Saturday, December 21, 2024

Il-ħaddiema tal-Isptar kienu ilhom 6 sigħat ifittxu lil Fino qabel sar ir-rapport l-Għassa

Tibda l-kumpilazzjoni kontra 6 persuni akkużati bi qtil involontarju ta' Carmeno Fino

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia, bdiet il-kumpilazzjoni kontra 6 persuni kollha jaħdmu fl-Isptar San Vinċenz De Paul fejn qed ikunu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb jew bi traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ Carmeno Fino ta’ 83 sena. Hu kien għeb f’Ġunju tal-2022 waqt li kien residenti fl-Isptar San Vinċenz De Paul.

L-akkużati huma Rhys Paul Xuereb ta’ 27 sena minn Santa Venera – infermier, Jose Thomas ta’ 45 sena mill-Indja – health carer, Jacqueline Cassar ta’ 56 sena minn Ħal Luqa – uffiċjal tas-sigurtà, Thomas Zammit ta’ 50 sena minn Ħ’Attard – health carer, Ivan Dimech ta’ 47 sena mill-Gudja – uffiċjal tas-sigurtà u Emanuel Aquilina ta’ 59 sena mill-Mosta – uffiċjal tas-sigurtà.

L-akkużati qed iwieġbu mhux ħatja tal-imputazzjonjiet miġjuba kontrihom.

Kien f’Ġunju ta’ sentejn ilu meta Fino ġie rraportat nieqes mill-istaff tal-Isptar u wara 15-il jum ta’ tfittxija għalih kien instab mejjet u fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni f’għalqa taħt xi siġar fi Triq Għar Dalam.

Mill-awtopsja kien ħareġ li hu kien miet b’mewta naturali u ma kienx hemm involviment ta’ terzi persuni. L-istess awtopsja kkonkludiet li l-mewt ta’ Fino ma kienix waħda suspettuża.

Iżda dwar dak li seħħ fit-28 ta’ Ġunju ta’ sentejn ilu, kienet infetħet inkjesta indipendenti li kienet tmexxiet mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valencia. Minn din l-inkjesta kien ħareġ li Fino kien ħareġ ‘il barra mill-Isptar wara li sab il-grada miftuħa meta suppost din kienet magħluqa. Kien ħareġ ukoll li l-ħaddiema tas-sala fejn kien qiegħed Fino ma ndunawx li hu kien telaq ‘il barra u fil-fatt l-ewwel rapport li hu kien nieqes kien sar l-għada fit-8.00am.

L-Ispettur Paul Camilleri li qiegħed imexxi l-Prosekuzzjoni qal li fit-28 ta’ Ġunju tal-2022 kien daħal rapport fl-Għassa ta’ Ħal Luqa fejn infermier kien irraporta li wieħed mill-pazjenti kien għeb.

Mill-ewwel bdiet l-investigazzjoni tal-Pulizija fejn tkellmu ma’ diversi ħaddiema li kienu xogħol filgħodu. Uffiċjali tal-Isptar kienu nformaw lill-pulizija li kienet bdiet investigazzjoni interna. L-anzjan kien meqjus bħala vunerabbli u li seta’ kien x’imkien qrib l-Isptar stess.

Il-pulizija kienu talbu għall-ismijiet tal-ħaddiema li kienu xogħol bil-lejl. Meta kienu qegħdin jitkellmu mal-ħaddiema wieħed mill-infermiera qal lill-pulizija li għall-ħabta tal-5.00am kien tkellem u ra lil Fino għax kien hu li ħadlu t-te. Il-pulizija ġew informati li kienet saret head count fis-swali kollha kif ukoll saret tfittxija fil-kappella u anke fl-inħawi ta’ wara l-Isptar. . It-tfittxijiet tkomplew mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili permezz tal-klieb u anke drones.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li huma bdew jaraw il-kamera tas-sigurtà u dan sar flimkien ma’ wieħed mill-qraba tal-anzjan. Mill-filmati ħareġ li għall-ħabta tas-2.45 am, l-anzjan deher ħiereġ mill-binja ta’ San Vinċenz. Hu deher jittawwal fil-kamra tal-uffiċjali tas-sigurtà, imbgħad reġa’ ħares lura u kien hawn li qabad i-pass għal barra mil-grada tal-ħadid kienet miftuħa.

Minn aktar investigazzjoni, Fino deher tila’ t-tela’ ta’ Ħal Luqa bil-mixi. Hu ma baqax jidher fil-filmati hekk kif wasal ħdejn il-Lidl.

Il-Pulizija mill-ġdid kienu tkellmu mal-infermier li kien qal li kien ta’ t-te lil Fino fil-5.00am. Kien hawn li hu biddel il-verżjoni u qal li “ma kienx ra lill-anzjan, ma kienx jaf x’ser jaqbad jikteb u kiteb li rah fis-sala”.

Il-Pulizija kienu komplew ifittxu lil Fino u kien fl-14 ta’ Lulju li f’għalqa fl-inħawi tal-Villa Over Hills kien instab katavru fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. Hu kien instab taħt siġra tal-bajtra. L-identità ta’ katavru giet stabbilita permezz ta’ test tas-DNA li sar bejn il-ġisem ta’ Fino u ibnu li ġie mill-Ingilterra.

Matul is-seduta, xehed ukoll is-Surġet Gray Saliba li qal l-istess bħalma xehed l-Ispettur Camilleri. L-unika ħaġa li żdied fix-xhieda tiegħu kienet li l-infermier li għamel ir-rapport kien qallu li qed jirraporta l-għejbien tiegħu 6 siegħat wara għax il-ħaddiema kienu ilhom ifittxuh, iżda hekk kif ma kien deher imkien kellhom bilfors jitolbu l-għajnuna tal-pulizija.

Il-Qorti wara li semgħet ix-xhieda qalet li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Paul Camilleri flimkien mal-Avukat Sean Gabriel Azzopardi f’isem l-Avukat Ġenerali. L-akkużati dehru assistiti mill-Avukati Franco Debono, Adreana Zammit, Beppe Darmanin u Antonio Depasquale.

Ekonomija

Sport