Il-GWU ingħatat garanzija mill-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv li l-ħaddiema kollha tal-kuntrattur li jagħtu servizz ġewwa l-kumpanija se jibqgħu jgawdu mill-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol.
Fil-ġranet li għaddew numru ta’ ħaddiema rċevew komunikazzjonijiet mingħand unjin oħra fejn ġew imbeżża’ li se jitnaqsilhom id-dħul meta dan mhux minnu.
Kenny Muscat, Segretarju tat-Taqsima Ospitalita u Ikel, mhux biss ikkonferma li din ix-xniegħa mhux minnha, u li allura gidba, imma li qatt ma kien hemm l-ebda ħsieb jew diskussjonijiet f’dan ir-rigward.
Flimkien mas-Segretarju Ġnerali tal-GWU Josef Bugeja huwa ltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Richard Bilocca, li assigurahom li ma hemm ebda pjan li jonqsu l-kundizzjonijiet eżistenti.
Bilocca tenna l-impenn u d-determinazzjoni personali tiegħu li jaħdem bla heda biex anke l-ambjent tal-post tax-xogħol fejn jaħdmu dawn il-ħaddiema jibqa’ jiġi mtejjeb.
Il-GWU ħasset l-bżonn li tiċċara dan sabiex il-ħaddiema jkollhom is-serħan il-moħħ li jixirqilhom wara sensiela ta’ komunikazzjonijiet qarrieqa u skorretti intiżi biss biex jagħmlu l-ħsara.