Thursday, April 10, 2025

IL-ĦADDIEMA U L-FAMILJI TAGĦHOM JIBQGĦU FIL-POLITIKA SOĊJALI TAL-GVERN

Aqra wkoll

Għal snin twal, it-telf ta’ tqala f’pajjiżna kien suġġett li forsi ħafna ma kinux jitkellmu dwaru. Ir-realtà iżda hi waħda li n-numri m’humiex żgħar. Fil-fatt, għalkemm l-istatistika turi li f’Malta, kull sena jkun hemm 300 każ ta’ korriment tat-tqala, il-verità hija li każi bħal dawn aktarx li jammontaw għal madwar 1,000 fis-sena minħabba ċirkostanzi mediċi oħra. Minn kif jidher, in-numru ta’ miscarriages kienu xi ħaġa illi ma kinux jinqabdu mill-istatistika.

Mill-esperjenza ta’ familja meta jkun hemm miscarriage, mhijiex xi ħaġa li wieħed jista’ jaċċetta b’mod leġġer. Imma l-effett li tħalli tmiem ta’ tqala huwa kemm emozzjonali u anke fiżiku. Għal ħafna koppji, speċjalment dawk żgħażagħ, din l-esperjenza hi bħal dik ta’ tmiem ta’ ħolma li tkun ilha tistenna biex issir realtà. Huwa kollu minnu li tmiem ta’ tqala, speċjalment meta tkun l-ewwel waħda tħalli marka kbira fuq il-persuna. Anke jekk jista’ jkun hemm aktar ċansijiet ta’ tqala wara. Dan għaliex għal ħafna, it-telfien ta’ tqala jfisser li l-persuna tkun tilfet parti minnha nfisha. 

Fuq l-aspett nazzjonali, filwaqt li ċertu pajjiżi diġà qed jagħrfu l-ħtieġa ta’ miscarriage leave għal min jaħdem, Malta se tkompli tkun minn ta’ quddiem nett fil-ħarsien tad-dinjità tal-ħaddiema. Dan is-suġġett qed jitpoġġa għad-diskussjoni pubblika biex wara, din il-miżura tkun tista’ titwettaq. Fil-fatt, il-bidu tad-diskussjoni kien ilbieraħ waqt konferenza nazzjonali li trattat proprju l-prinċipju tal-Miscarriage Leave li kien ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela fil-bidu tax-xahar li għadda. 

Din l-aħħar inizjattiva, fejn il-Gvern Laburista diġà mpenja ruħu li se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha tagħha, turi kemm il-qasam soċjali huwa fost l-aktar għal qalbu. Din il-miżura meta tiddaħħal se tkun ħolqa oħra fil-kullana ta’ assistenza soċjali li pajjiżna jagħti lil min jinħtieġha.

Nittamaw li din id-diskussjoni tkun xi ħaġa nazzjonali biex issir fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-ħaddiem. Minn kif jidher se jkun hemm qbil dwar din il-miżura tant li anke membri tal-Oppożizzjoni flimkien ma’ għaqdiet u msieħba soċjali oħra kienu preżenti għad-diskussjoni tal-bieraħ. Dan jawgura tajjeb bħala eżempju biex f’kull diskussjoni li ssir dejjem ikun hemm l-interess nazzjonali fuq quddiem nett. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport