`Meta tlift lil ħija għas-suwiċidju ħalliet marka li ż-żmien ma jista’ jħassarha qatt. Il-ħajja tibqa’ għaddejja u tikber madwar il-marka, imma dejjem se tkun hemm. Insib ruħi nimmaġina l-bniedem li seta’ sar, il-mumenti li stajna qsamna flimkien, kieku biss ma kienx iħossu daqshekk mitluf u mkisser. Huwa ta’ tbatija kbira li tkun taf li tilef kull tama, madankollu nibqa’ niftakar l-imħabba, d-daħk u dak li qsamna flimkien tul il-ħajja qasira tiegħu u newden li seta ra d-dawl il-quddiem.’ Din hija x-xhieda ġenwina ta’ persuna li tilfet lil ħuha, f’eta’ tenera, bis-suwiċidju. Dan il-kliem żgur li hu l-eku tal-ħsibijiet ta’ mijiet u eluf ta’ nies li tilfu lil xi ħadd għażiż b’suwiċidju.
Il-mewt b’suwiċidju tirrappreżenta waħda mill-esperjenzi bl-aktar uġigħ għall-individwi, il-familji, u l-komunitajiet. It-telfa f’daqqa u mhux mistennija kkawżata mis-suwiċidju taffettwa firxa kbira ta’ nies, inklużi ġenituri, aħwa, ulied, nanniet, ħbieb, u kollegi. In-niket li jgħaddi minnu wieħed wara s-suwiċidju ħafna drabi jkun aktar kumpless minn dak wara kawżi oħra ta’ mewt minħabba ċ-ċirkostanzi u l-istigma li jdawru s-suwiċidju.
Immedjatament wara suwiċidju, dawk li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż, ħafna drabi jesperjenzaw xokk u jitilfu kull sens emozzjonali. Din il-fażi inizjali sservi ta’ protezzjoni psikoloġika, li tippermetti lill-individwi żmien biex jaġġustaw għat-telfa li jkunu ġarrbu ħabta w’sabta. Hekk kif l-emozjonijiet jerġgħu jibdew jitqanalu, jitfaċċaw dwejjaq kbar, u uġigħ li jkun hemm moħbi. Id-dwejjaq, il-biża ’, id-dipressjoni, ir-rabja u t-tort donnhom jieħdu posthom waħda wara l-oħra flimkien mal-mistoqsija persistenti li dejjem se tibqa’ bla tweġiba “għaliex?” Individwi mnikktin bit -telfa tal-maħbub/a tagħhom u l-futur li spiċċa fix-xejn. Il-memorji biss jibqgħu bħala sors ta’ faraġ għal vojt li jkun tħallha.
Ir-rabja tgħolli rasha matul il-proċess ta’ niket, lejn iċ-ċirkostanzi, is-sitwazzjoni, jew saħansitra lejn il-mejjet. Din l-emozzjoni spiss tkun akkumpanjata minn mistoqsijiet rigward ir-raġunijiet li wasslu għas-suwiċidju. Wieħed jista’ wkoll iħossu ħati li ma ndunax bis-sinjali jew li naqas lill- mejjet f’xi mod. Matul dan il-perjodu dawn il-persuni jistgħu ripetutament jiddubitaw jekk setawx għamlu xi ħaġa biex tiġi evitata t-traġedja: “Kif ma ndunajniex?” “Stajt għamilt xi ħaġa?” “Għaliex m’għamiltx xi ħaġa?” , madankollu m’ hemmx tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.
Il-mewt wara s-suwiċidju spiss tkun agħar minħabba l-istigma soċjali, li tista’ twassal għal iżolament u sentimenti fejn wieħed jitlef ukoll it-tama. Minbarra n-niket, dawk affettwati jistgħu joqgħodu lura milli jfittxu l-għajnuna għax jistħu jew minħabba l-istigma.
Is-suwiċidju jista’ jirriżulta minnħabba bosta fatturi kumplessi, u rari jkun hemm spjegazzjoni waħda. Il-fatturi ta’ riskju jinkludu:
• Kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali – depressjoni, problem tal-burdata, psikożi, disturb tal-personalita, u problema tal-ikel
• Jista’ jkun hemm kwistjonijiet ta’ problem tas-saħħa kronika u/jew uġigħ kroniku
• Avvenimenti trawmatiċi tal-ħajja bħal abbuż, telfa ta’ xi ħadd important għal dik il-persuna jew problem finanzjarji
• Vizzji u bullying
- Problemi kumplessi ta’ relazzjonijiet
F’xi każijiet, ma jiġi identifikat l-ebda fattur preċipitattiv definittiv. Dan jista’ jwassal għal aktar mistoqsijiet li jibqgħu mhux imwieġba għal dawk li jkunu ħallew warajhom.
Filwaqt li l-uġigħ tal-mewt minħabba suwiċidu jista’ jkun li qatt ma jisparixxi għal kollox dan jevolvi hekk kif il-ħajja tkompli. Maż-żmien, is-sentimenti qawwija normalment jibdew jonqsu. Bil-mod il-mod l-individwi jerġgħu jsibu tifsira u skop ġdid, jistgħu jibdew jiffokaw fuq relazzjonijiet ma’ dawk ta’ madwarhom u jsibu mill-ġdid sens għall-futur tagħhom.
Hekk kif nitkellmu dwar il-jum Dinji għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, huwa importanti li nonoraw il-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom permezz tas-suwiċidju iżda wkoll nagħtu importanza lil dawk li ħallew warajhom u qed iġorru t-toqol tat-telfa minħabba suwiċidju. It-tfittxija għall-għajnuna professjonali wara mewt b’suwiċidju tissejjaħ postvention. Dan hu komponent kritiku fil-firxa ta’ servizzi marbuta mal-prevenzjoni tas-suwiċidju. Skont l-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, is-servizzi ta’ postvention huma ta’ importanza kbira għall-individwi li jkunu missew ma’ mewt permezz ta’ suwiċidju jew li jkunu affettwati b’mod dirett jew indirett minħabba imġieba suwiċidali. Dawn is-servizzi jgħinu lill-dawk affettwati jipproċessaw din it-trawma, jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom, u jnaqqsu r-riskju ta’ suwiċidju għalihom stess. Rakkomandazzjonijiet għal dawk milquta minn suwiċidju jinkludu:
• Issieħeb ma’ gruppi ta’ sapport jew ma individwi li esperjenzaw telfa simili. Hawn wieħed jista’ jsib faraġ f’dawk li ġarbu għalhekk jifhmuk aħjar
• Sib attivitajiet li joffrulek il-mistrieħ jew jgħinuk tesprimi l-kreattivita tiegħek, dan jista’ jgħin biex wieħed isib serħan u fejqan
• Jekk wieħed jaqsam l-esperjenza tiegħu jew jitkellem ma’ ħbieb u professjonisti, jista’ wkoll inaqqas il-piż tal-weġgħa u n-niket
Il-mewt minħabba suwiċidju hija esperjenza kumplessa u ta’ sfida. Li wieħed jifhem l-emozzjijiet tiegħu u jfittex l-għajnua f’waqtha huma passi importanti lejn il-fejqan għal dawk affettwati. Kull min jesperjenza ħsibijiet ta’ suwiċidju, jew li jkun tilef lil xi ħadd minħabba s-suwiċidju, huwa mħeġġeġ biex ifittex l-għajnuna. Għal servizzi ta’ sapport kemm għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kif ukoll għal sitwazzjonijiet mhux ta’ emerġenza wieħed jista’ jfittex: https://commissionermentalhealth.gov.mt/en/helplines-apps-chats/.
Iva, għad jista’ jkun hemm il-ħajja wara s-suwiċidju!