Id-demm jiġbed, u l-ħajra għall-kitba minn Christopher Attard Biancardi tidher li tnisslet mill-antenat tiegħu Nikol Biancardi – ġurnalist u kittieb li għex fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Minkejja li mifrudin miż-żmien, jidher ċar li Attard Biancardi wiret l-imħabba għall-kelma miktuba. Dan huwa rifless f’Il-Ħajt Għandu Widintu, l-ewwel ġabra ta’ stejjer qosra li Attard Biancardi għadu kemm ippubblika.
Mhux faċli tirrakkonta storja f’mitejn kelma. Attard Biancardi bi stil mexxej, b’deskrizzjoni realistika u ironika, ħafna drabi bi tmiem sorprendenti, irnexxielu jagħmel dan b’sengħa. L-istejjer huma msawra fuq karattri u t-temi kurrenti li niltaqgħu magħhom fis-soċjetà Maltija kontemporanja – stejjer li jistiednu lill-qarrej jixtarr u jgħarbel dak li jkun għadu kemm qara.
L-awtur juri sensittività għall-ġrajjiet kurrenti li qed iseħħu f’pajjiżna. F’Lezzjoni tal-Pjanu jitratta l-fenomenu tal-kostruzzjoni u l-inkonvenjenzi li jġib miegħu; fil-mikrostorja Ħrejjef għall-Jacob jiffoka fuq il-femiċidju. Ir-relazzjoni kumplessa bejn raġel u mara hija tema prinċipali f’diversi stejjer, fosthom L-Arka ta’ Noè, L-Għadu ta’ Kull Xahar, Vapuri tal-Karti, Pulpetti tal-Laħam, Romeo u Ġuljetta u Barxa fl-Istonku. L-immigrazzjoni, tema dejjem preżenti fid-diskors soċjali tagħna, tiġi esplorata wkoll fi stejjer bħal Il-Ġurdien tal-Imramma u L-Irġiel tal-Barżakka.
Attard Biancardi b’hekk jiftaħ tieqa fuq is-soċjetà ta’ żmienna, u jmiss temi oħra sensittivi bħax-xjuħija u s-solitudni, l-inċidenti tat-traffiku, l-abort, is-suwiċidju, il-pedofelija u l-abbuż tat-tfal.
F’Il-Ħajt Għandu Widintu l-awtur jiġbor vuċijiet u esperjenzi li jirriflettu soċjetà f’evoluzzjoni. Ġrajjiet li, għalkemm iseħħu bejn l-erba’ ħitan ta’ kamra, permezz ta’ din il-ġabra ma baqgħux mistura.

