Il-grupp Ħamas qal li mhux se jċedi l-armi sakemm jiġi ffurmat stat indipendenti Palestinjan, b’rispons għal waħda mit-talbiet ewlieni ta’ Iżrael fit-taħditiet dwar il-waqfien mill-ġlied f’Gaża.
Il-Ħamas irreaġixxa għal kummenti li għamel Steve Witkoff, il-mibgħut speċjali tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump għal-Lvant Nofsani, fejn qal li l-Ħamas kien “esprima r-rieda tiegħu” li jwaqqaf il-ġlied.
Min-naħa l-oħra, Iżrael jikkunsidra d-diżarm tal-Ħamas bħala waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għal kull ftehim biex jintemm il-kunflitt.
In-negozjati indiretti bejn l-Iżrael u l-Ħamas għal waqfien mill-ġlied u r-rilaxx tal-ostaġġi waqfu fil-jiem li għaddew.
Gvernijiet Għarab kienu ħeġġew lill-Ħamas biex ineħħu l-armi u jirrinunzjaw mill-kontroll ta Gaża u dan wara li kien hemm bosta pajjiżi li ħabbru l-pjanijiet tagħhom li jirrikonoxxu l-Istat Palestinjani.
Il-Ħamas fi stqarrija qal li ma setax jirrinunzja d-dritt “għar-reżistenza tiegħu u għall-armi” sakemm ma jkunx stabbilit “stat Palestinjan indipendenti u sovran b’Ġerusalemm bħala l-Kapitali tiegħu.”
Sadanittant, is-Sibt li għadda, il-familjari tal-ostaġġ Evyatar David ħarġu stqarrija wara li l-Ħamas ħarġu filmat li fih huwa jjidher bla flokk u f’mina mudlama. Il-familja akkużat lill-Ħamas li qed iżommuh bil-ġuħ bħala parti minn kampanja ta’ propaganda u appellat lill-Gvern Iżraeljan u lill-Istati Uniti biex jagħmlu dak kollu possibbli biex isalvawh.