It-tensjoni bejn il-grupp militanti Ħamas u Iżrael kompliet tiżdied fl-aħħar sigħat hekk kif ġie stabbilit li l-katavru li suppost kien ta’ Shiri Bibas mhux tagħha.
Kien nhar il-Ħamis meta l-grupp Ħamas għaddew 4 katavri li qalu li mietu waqt li kienu qegħdin jinżammu ostaġġi. Huma għaddew lill-forzi Iżraeliti l-katavri tat-tfal ta’ Bibas, li għandhom ħames snin u sentejn – li dawn ġew ikkonfermati li huma tagħhom. Għaddew ukoll il-katavru ta’ Oded Lifshitz u wkoll ta’ Shiri Bibas omm it-tfal.
Iżda minn riżultati forensiċi rriżulta li l-katavru ta’ Bibas ma kienx tagħha. Il-Prim Ministru Iżraelit Benjamin Netanyahu qal li l-grupp Ħamas qiegħed jikser il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied għax qabdu u poġġew katavru ta’ mara li s’issa għadha mhux identifikata fit-tebut fejn suppost kien hemm Bibas.
S’issa ma kien hemm l-ebda kummenti min-naħa tal-Ħamas, iżda Iżrael talab lill-grupp militanti biex b’mod immedjat jgħaddi l-katavru ta’ Bibas lill-forzi tal-pajjiż.