Uffiċjal għoli tal-grupp Hamas qal li għandhom lista ta’ 34 ostaġġ li huma lesti li jeħilsu f’każ li jkun hemm waqfien mill-ġlied. Skont l-uffiċjal dawn se jkunu qegħdin jinħelsu mal-ewwel minuti li jkun hemm ftehim ma’ Iżreal.
Iżda eżatt wara dan il-kumment, uffiċjali Iżrealiti qalu li hemm dubji kbar dwar kemm dawn l-34 ostaġġ għandhom ħajjin u ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn jistgħu jinħelsu.
Fost dawk li semmew hemm 10 nisa, u 11-il raġel li għandhom bejn 50 u 85 sena. Hemm ukoll tfal li skont il-Hamas se jkunu qegħdin jinħelsu, iżda fost l-ismijiet li nkitbu hemm uħud li l-istess Hamas qal li nqatlu waqt attakk mill-ajru minn Iżreal.
L-uffiċju tal-Prim Ministru Iżrealit qal li huma ma rċivew l-ebda lista ta’ ostaġġi li jistgħu jinħelsu mill-Hamas jekk ikun hemm waqfien mill-ġlied. Il-publikazzjoni tal-lista tal-ostaġġi li l-Hamas lesti li jeħles jidher li qiegħda tagħmel pressjoni fuq il-Gvern Iżrealit biex iwaqqaf il-ġlied, imqar għal perjodu qasir ħafna.
Intant, il-Ministru tas-Saħħa tal-Hamas qal li matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet mill-inqas inqatlu 100 persuna.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet komplew in-negozjati f’Doha bit-tama li jkun hemm waqfien mill-ġlied. S’issa jidher li ma kienx hemm xi progress sinifikanti f’dawn in-negozjati.