Monday, July 7, 2025

Il-Ħamas tilef il-kontroll fuq il-biċċa l-kbira ta’ Gaza

Aqra wkoll

Skont ma qal uffiċjal għoli fil-forzi tas-sigurtà tal-Ħamas, il-grupp armat Palestinjan tilef madwar 80% tal-kontroll li kellu fuq il-Medda ta’ Gaza b’konsegwenza li nħolqu gruppi armati qed jimlew dan il-vojt.

L-istess uffiċjal, Logutenent Kurunell, żvela li s-sistema ta’ kmand u kontroll tal-Ħamas ikkollassat wara xhur ta’ attakki Iżraeljani li qerdu t-tmexxija politika, militari u tas-sigurtà tal-grupp tal-Ħamas.

Dan l-uffiċjal kien indarab fl-ewwel ġimgħa tal-gwerra, li bdiet wara l-attakk immexxi mill-Ħamas fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, u minn dakinhar irtira mid-dmirijiet tiegħu minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Fil-messaġġi tiegħu li qasam mal-BBC bil-kundizzjoni li jibqa’ anonimu, il-Logutenent Kurunell pinġa stampa tad-diżintegrazzjoni interna tal-Ħamas u l-kollass kważi totali tas-sigurtà madwar Gaza, li l-grupp kien jiggverna qabel il-kunflitt.

Huwa jsostni li ma fadal xejn mill-istruttura tas-sigurtà. Il-biċċa l-kbira tal-mexxejja, madwar 95%, issa huma mejta…u jistaqsi “Allura tassew, x’qed iżomm lil Iżrael milli jkompli din il-gwerra?”

Loġikament, Iżrael irid tkompli sal-aħħar. Il-kundizzjonijiet kollha huma maqgħudin: Iżrael għandu l-vantaġġ, id-dinja tinsab siekta, ir-reġimi Għarab huma siekta wkoll, il-gruppi kriminali huma kullimkien u is-soċjetà Palestinjana qed tiġġarraf.

F’Settembru li għadda, il-ministru tad-difiża ta’ dak iż-żmien ta’ Iżrael kien iddikjara li bħala formazzjoni militari, il-Ħamas m’għadhiex teżisti u li kienet involuta biss fi gwerra tal-gwerillieri.

Skont l-uffiċjal, il-Ħamas ipprova jerġa’ jingħaqad matul il-waqfien mill-ġlied ta’ 57 jum ma’ Iżrael aktar kmieni din is-sena, billi organizza mill-ġdid il-kunsilli politiċi, militari u tas-sigurtà tiegħu.

Iżda minn meta Iżrael temm il-waqfien mill-ġlied f’Marzu, u immira lejn l-istrutturi tal-kmand li kien fadal tal-Ħamas, ħalla lill-grupp fi stat ta’ diżordni bil-konsegwenza li l-vojt fis-sigurtà intela minn gangijiet jew il-gruppi armati li kienu kullimkien.

Wieħed minnhom huwa mmexxi minn Yasser Abu Shabab, figura li ġibdet l-attenzjoni tal-Awtorità Palestinjana, li hija bbażata fix-Xatt tal-Punent okkupat u hija rivali għall-Ħamas, partikolarment wara li Iżrael ikkonferma x-xahar li għadda li kien qed jipprovdilu armi.

Il-Ħamas kien offra premju kbir għal min seta jaqbad jew jagħti informazzjoni dwar Abu Shabab, bil-biża’ li seta’ jsir figura li tgħaqqad il-ħafna għedewwa tal-Ħamas.

Jingħad li Abu Shabab issa qed jaħdem biex jikkoordina ma’ gruppi armati oħra biex jifforma kunsill konġunt bil-għan li jwaqqa’ lill-Ħamas mill-poter.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport