Thursday, April 24, 2025

Il-ħames edizzjoni tal-konferenza L-Istat tan-Nazzjon se tiffoka fuq l-edukazzjoni

Aqra wkoll

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-konferenza L-Istat tan-Nazzjon se tiffoka fuq it-tema tal-edukazzjoni fis-sens wiesgħa tagħha, u għandha l-għan li sservi ta’ bażi għal analiżi kontinwa dwar l-iżvilupp tan-nazzjon.

Il-konferenza, li se ssir fis-6 ta’ Ġunju fil-Palazz Verdala, se titmexxa mill-Konsulent tal-Komunikazzjoni Strateġika Lou Bondi u l-Istatistiku u Riċerkatur, il-Professur Vincent Marmara, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.

Waqt it-tnedija ta’ din il-konferenza, il-President Myriam Spiteri Debono spjegat kif l-analiżi tas-sondaġġ li jsir bħala parti minn din il-konferenza jeżamina u jistħarreġ xejriet ġodda li jaffettwaw lis-soċjetà.

Semmiet fost l-oħrajn it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali, u fissret kif l-analiżi waqt l-Istat tan-Nazzjon trid tara kif dawn l-iżviluppi jaffettwaw l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-individwu.

“Irridu nsaqsu u nevalwaw kif qed issir is-soċjalizzazzjoni bejn iċ-ċittadini, mhux biss b’mod fiżiku imma wkoll naraw kif qed tiżviluppa r-relazzjoni tagħna mal-apparat teknoloġiku,” stqarret il-President, waqt li staqsiet jekk l-intelliġenza artifiċjali hux qed nabbinawha mal-intelliġenza naturali, biex tgħinna fil-ħajja ta’ kuljum, jew hux qed ixxekklilna l-abbiltà li naħsbu.

Fuq kollox, il-President fakkret li l-għan ta’ din il-konferenza hu li jkun analizzat kif f’pajjiżna, jevolvu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu. Il-President esprimiet it-tama wkoll li dak li jissarraf mill-konferenza jgħin biex livelli differenti tat-tmexxija jippjanaw għall-ġejjieni.

Min-naħa tiegħu, Lou Bondi fisser kif, issa li din il-konferenza daħlet fil-ħames sena tagħha, ir-riżultati tal-edizzjonijiet kollha flimkien qed jagħtu xejra aħjar tal-bidliet fis-soċjetà.

“Nemmen li f’pajjiżna u madwarna qed iseħħu bidliet fundamentali u radikali. Bidliet li qed iwelldu realtajiet li għadna rridu nifhmu xi jfissru għalina – it-teknoloġija, id-destin tal-globalizzazzjoni, il-komunikazzjoni istantanea, il-midja soċjali, it-taħlit tal-influwenzi kulturali, l-ossessjoni bil-kult tal-personalitajiet – dawn kollha qed iwasslu biex is-sens ta’ min jien u min aħna m’għadux dak li kien ilbieraħ. Għalhekk irridu noqogħdu attenti li x’jien ma jibdiex jiddefinixxi lil min jien,” stqarr Lou Bondi.

Din is-sena, ser tkun analizzata kull fażi tal-edukazzjoni; iċ-childcare, Kindergarten u l-Primarja, l-edukazzjoni sekondarja u dik terzjarja. Kif innota Lou Bondi, dan qed isir hekk kif mill-ewwel passi u matul il-ħajja, l-edukazzjoni tinfluwenza kollox u hija l-għerq ta’ kollox. Tolqot lil kulħadd. Tagħġen il-preżent u ssawwar il-futur. U l-edukazzjoni ma tieqaf qatt.

Għal darb’oħra, din il-konferenza nazzjonali ser tibda bi stħarriġ xjentifiku fost il-Maltin u l-Għawdxin. Il-Professur Vince Marmara nnota kif b’hekk “l-ewwel ser ikun ikkunsidrat dak li jħoss il-poplu qabel tibda d-diskussjoni, tingħata stampa ta’ min hu l-poplu u dak li jiddefinixxih minn aspett xjentifiku. Bir-riżultati tal-istħarriġ li sar matul dawn il-ħames snin, wieħed se jkun jista’ janalizza dak li jiddefinixxi lill-poplu u dak li jinfluwenzah sabiex jifforma l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu.”

Għalhekk, matul il-konferenza ser jitqajmu mistoqsijiet, issir diskussjoni u wieħed jipprova jagħti tweġibiet, fosthom dwar x’edukazzjoni qed tingħata fid-dar u kif tirrelata ma’ dak li jiġri fl-iskola, u jekk l-użu tat-teknoloġija u l-midja soċjali jiffaċilitawx l-edukazzjoni jew itellifx.

Il-pubbliku hu mħeġġeġ jirreġistra l-interess tiegħu biex jattendi għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Istat tan-Nazzjon, billi jibgħat email fuq [email protected]. Ir-reġistrazzjoni għal din il-konferenza hi b’xejn.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport