Il-grupp tal-Ħamrun Girl Guides huma kburin li rrappreżentaw lil Malta fil-Kent International Jamboree (KIJ 2025) ta’ din is-sena. Dan sar f’Delting Showground f’Kent, ir-Renju Unit, ix-xahar li għadda. Il-kontinġent kien jinkludi 21 tfajla mmexxija minn 8 voluntiera u kienu ospitati mill-Mereworth u Kingshill Scouts.
Madwar sebat elef Scout u Girl Guide, minn madwar id-dinja kollha pparteċipaw fil-kamp mingħajr impronta tal-karbonju, u laqqgħu flimkien it-temi ta’ diversita’ ta’ kulturi, sostenibbilta’, avventura u ħbiberija. Għall-kontinġent Malti, din kienet opportunita’ biex jesperjenza tagħlim, avventura u l-ispirtu veru tal-Girl Guiding internazzjonali.
L-ippjanar għall-vjaġġ lejn KIJ25 beda kważi sentejn ilu hekk kif il-Girl Guides tal-Ħamrun ħadmu bir-reqqa biex preparaw d-dettalji kollha bħal vjaġġar, visas, akkomodazzjoni wara l-kamp, trasport, komunikazzjoni tal-ġenituri u loġistika oħra.
Ġew organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ dwar is-sikurezza, ix-xogħol f’ tim, u l-ħiliet ta’ Girl Guiding biex jiġi żgurat li l-parteċipanti kollha kienu lesti għall-din l-avventura. It-tfajliet ipprattikaw ukoll kif itellgħu tinda, l-ippakkjar tar-basktijiet, l-għoqod, l-irbit u tgħallmu xi jfisser li tkun parteċipant f’Jamboree. Is-sessjonijiet taw kunfidenza u serħan il-moħħ lit-tfajliet speċjalment peress li l-biċċa l-kbira kienu se jattendu għal jamboree barra minn Malta għall-ewwel darba.
Attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi bħal High Tea u Lejla Maltija, saru biex jinġabru fondi iżda wkoll biex jippromwovu l-Girl Guiding fil-komunita’ Ħamruniża. Il-ġbir ta’ fondi rawwem ukoll spirtu ta’ tim, hekk kif il-mexxejja, il-bniet u l-ġenituri ħadmu flimkien biex jiġbru fondi fix-xhur ta’ qabel il-vjaġġ. Dawn l-isforzi fissru li l-vjaġġ kien aktar affordabbli għall-familji tal-parteċipanti.
Mal-wasla fis-sit tal-kamp KIJ25, il-Girl Guides tal-Ħamrun ingħaqdu mas-sottokamp “Tropikali”. Ta’ kuljum it-tfajliet segwew programm ta’ attivitajiet, b’ħafna gost u soċjalizzazzjoni ispirati mis-sostenibilita’.
L-attivitajiet kienu jinkludu sfidi avventurużi tradizzjonali bħall-abseiling, l-isparar, l-isparar bil-qaws, it-tfigħ tat-tomahawk, sewqan tal-go karts, it-tixbit, l-istivar tal-kannestri, ħbula għoljin, il-bini tal-pontijiet, li inkoraġixxu lit-tfajliet jesploraw il-kapaċitajiet tagħhom. Kien hemm ukoll attivitajiet innovattivi bħal stampar 3D, karting elettriku, simulazzjoni ta’ trunċieri ta’ WW1, roller discos, esperimenti dwar xjenza ambjentali, u workshops ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu fuq kwistjonijiet globali. Il-Colossus Festival 2.5k, ġirja li kienet tinkludi ostakli ta’ tajn u ħafna kulur kienet partikolarment memorabbli. Żewġ mit-tfajliet tal-Ħamrun Girl Guides kellom iċ-ċans li jmorru titjira fuq ajruplan microlight.
It-tema tas-sostenibbilta’ tat ukoll lill-bniet għarfien aħjar tal-kwistjonijiet globali billi ħadu sehem f’workshops, iltaqgħu ma’ NGOs bħall-Iscouts kontra l-Malarja u l-Botswana25 Elephant Project, u ħadmu fuq proġetti globali, raw kif azzjonijiet żgħar ta’ kuljum jistgħu jgħinu biex iġibu bidla akbar. Huma tgħallmu li l-vuċijiet u l-azzjonijiet tagħhom huma importanti, u li jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni għall-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja tagħna.
Mument memorabbli u ta’ unur għall-Unit tal-Ħamrun kienet iċ-ċerimonja tal-ftuħ, meta żewġ Ħamrun Rangers ġarrew il-bnadar ta’ Malta u ta’ WAGGGS (World Association of Girl Guides and Girl Scouts) fuq il-palk.
Wara l-kamp, il-Girl Guides tal-Ħamrun qattgħu ftit jiem jesploraw Londra waqt li kienu qed joqogħdu fiċ-Ċentru tas-South London Scouts. F ’Londra attendew rappreżentazzjonijiet teatrali, żaru għeliem storiċi bħal Buckingham Palace, the Changing of the guards, u ħadu gost iduru mat-toroq ta’ Londra qabel ma marru lura d-dar.
Matul żjara f ’Pax Lodge, Girl Guiding World Centre, it-tfajliet ingħaqdu ma’ oħrajn għaċ-ċerimonja tradizzjonali tal-għoti ta’ badges kommemorattivi. It-tfajliet kienu kburin ħafna meta nnutaw l-imkatar tat-13th Ħamrun Girl Guides u tal-Malta Girl Guides imdendlin fiċ-Ċentru Dinji.
Li tieħu sehem f’KIJ 25 kienet esperjenza li biddlet il-ħajja għal-membri ta’ 13th Ħamrun Girl Guides. Din saħħitilhom l-identita’ b’ħiliet u ħbiberiji ġodda iżda wkoll ġew lura b’sens aktar qawwi ta’ appartenenza fil-moviment tal-Girl Guiding. L-esperjenza tagħhom f’ KIJ25 se tkompli tispirahom għal snin li ġejjin, u tfakkarhom fl-importanza tal-għaqda, il-kura tal-pjaneta tagħna, u s-sisterhood globali tal-Girl Guiding.