Saturday, December 21, 2024

Il-ħarġa ta’ Ottubru tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’: Il-klabb tal-Fsobians jagħlaq 75 sena (1949-2024)

Aqra wkoll

Fid-29 ta’ Ottubru ta’ kull sena, l-klabb Furjaniż tal-Fsobians li jinsab Taħt il-Loġoġ fi Triq Sant’Anna l-Furjana, jiċċelebra Jum it-Twaqqif tiegħu. Din is-sena se jkun anniversarju speċjali għaliex il-klabb se jfakkar għeluq il-ħamsa u sebgħin sena mit-twaqqif tiegħu fl-1949.

Oriġinarjament il-Klabb kien twaqqaf bħala l-Floriana School Old Boys Association (FSOBA), li probabbilment kienet l-ewwel assoċjazzjoni ta’ eks studenti ta’ skola Primarja tal-Gvern f’pajjiżna.

Il-membri tal-FSOBA kienu magħrufa bħala Fsobians, li kien ukoll l-isem li l-klabb ingħata fil-bidu tas-Snin Sebgħin tas-seklu li għadda, meta sar appuntu Fsobians Club.

It-tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni tal-belt tal-Furjana, laqat ħażin ukoll lill-Fsobians. Wara li għal diversi għexieren ta’ snin kien ferm attiv anke fuq livell nazzjonali, l-Fsobians Club għadda minn għexieren oħrajn ta’ kriżi li wasslu għall-għeluq tal-klabb li saħansitra ttieħed lura mill-awtoritajiet governattivi tal-housing.

Iżda fl-2018 numru ta’ Furjaniżi, li wħud minnhom jgħixu f’lokalitajiet oħra, irnexxielhom jagħtu ħajja ġdida lill-Klabb wara li kisbuh lura għall-komunità Furjaniża. Bil-mod il-mod beda jerġa’ jsir post li jattira lill-Furjaniżi u l-ħbieb tagħhom. L-attività wkoll qed tikber u tiġbed lejn il-klabb numru ta’ nies.

Il-ħarġa ta’ Ottubru tal-gazzetta Furjaniża ‘IL-FURJANA’, li għadha kemm kienet ippubblikata, tinkludi suppliment ta’ diversi paġni dwar l-anniversarju tal-FSOBA/Fsobians Club.

Dawn il-paġni jinkludu tagħrif u ritratti dwar il-bidu u l-preżent ta’ din l-għaqda ċivika Furjaniża. Uħud mir-ritratti huma storiċi għaliex ittieħdu waqt l-ewwel attivitajiet li kienu organizzati fl-ewwel xhur u snin wara t-twaqqif tal-assoċjazzjoni.

Il-kitba tinkludi fost l-oħrajn messaġġ u artiklu miktuba mill-President attwali tal-Fsobians, Nigel Holland u riproduzzjoni tal-poeżija li l-mibki Prof Oliver Friggieri (li hu wkoll kien Fsobian) kien kiteb fl-1989 meta l-għaqda kienet għalqet 40 sena (1949-1989) mit-twaqqif tagħha.

Minbarra dan is-suppliment kommemorattiv, din il-ħarġa ta’ ‘IL-FURJANA’ tinkludi wkoll tagħrif dwar l-elezzjoni tad-disa’ Kunsill Lokali Furjaniż, li saret f’Ġunju li għadda.

Tinkludi wkoll artiklu estensiv miktub minn Paul P. Agius dwar il-mawra li għamlu numru ta’ Furjaniżi f’Lulju li għadda fl-istat ta’ San Marino fl-okkażjoni tar-return match li Floriana FC lagħbu fil-ground ta’ Serravalle kontra t-tim lokali ta’ Tre Penne fir-rawnd preliminari tal-UEFA Europa Conference League.

Dik il-partita kienet spiċċat (1-1), iżda l-Greens ikkwalifikaw għar-rawnd ta’ wara għaliex kienu rebħu (3-1) l-partita li saret qabel f’Malta.

Fil-ħarġa ta’ Ottubru tal-gazzetta Furjaniża, wieħed isib ukoll aħbarijiet dwar il-belt tal-Furjana u niesha.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ Ottubru tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494,  jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] inkella [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.

L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.

Bl-istess mod wieħed ukoll jista’ jakkwista kopja tal-ktieb dwar il-Furjana, bit-titlu ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’ li l-gazzetta ppubblikat aktar kmieni din is-sena fl-okkażjoni tat-300 sena mit-twaqqif tal-belt tal-Furjana.

Ekonomija

Sport