Fl-2023, il-ħarsien soċjali baqaʼ fiċ-ċentru tan-nefqa tal-gvern u kien jgħodd mas-27% tan-nefqa sħiħa tal-Gvern Ġenerali. Dan kien segwit min-nefqiet fuq l-affarijiet ekonomiċi u s-servizzi pubbliċi ġenerali.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ippubblikat ċifri dwar il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-Gvern (COFOG), li hija l-metodoloġija użata biex tkun analizzata l-istruttura tan-nefqa tal-gvern.
Fl-2023, in-nefqa sħiħa tal-Gvern Ġenerali żdiedet b’€611.7-il miljun fuq l-2022 biex laħqet is-€7,501.4 miljun. Il-Ħarsien soċjali kienet in-neqfa ewlenija u laħqet l-€2,025.8 miljun, żieda ta’ €235.7 miljun fuq l-2022, biż-żieda ewlenija rrappurtata fil-benefiċċji soċjali (€89.1 miljun).
B’kollox intefqu €1,393.0 miljun fuq l-Affarijiet ekonomiċi, tnaqqis ta’ €141.5 miljun fuq l-2022. In-nefqa fuq inizjattivi ta’ għajnuna għall-enerġija, maħsuba biex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi tal-enerġija, kienet ta’ €270.4 miljun, filwaqt li €134.1 miljun ieħor ingħata għal inizjattivi ta’ għajnuna fir-ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru. Dawn iż-żewġ miżuri tal-gvern tniżżlu bħala sussidji.
L-infiq sħiħ fuq is-Servizzi pubbliċi ġenerali kien ta’ €1,095.8 miljun. Dan kien segwit min-nefqa fuq is-Saħħa u l-Edukazzjoni, li ammontaw għal €1,057.4 miljun u €863.4 miljun, rispettivament. Iż-żieda fin-nefqa tas-Saħħa kienet ġejja l-aktar minn nefqiet ogħla fuq il-formazzjoni ta’ kapital gross (€27.3 miljun), il-kumpens lill-impjegati (€23.8 miljun) u Benefiċċji soċjali fi flus jew għamliet oħrajn (€16.5-il miljun).
Fl-2023, l-akbar biċċa min-nefqa tal-Gvern Ġenerali marret fuq il-Ħarsien soċjali bʼsehem taʼ 27.0 fil-mija tan-nefqa sħiħa, żieda taʼ 1.0 punt perċentwali fuq l-2022. Wara dan kien hemm l-Affarijiet ekonomiċi (18.6 fil-mija), is-Servizzi pubbliċi ġenerali (14.6 fil-mija), is-Saħħa (14.1 fil-mija) u l-Edukazzjoni (11.5 fil-mija). Id-Difiża u l-Akkomodazzjoni u l-kumditajiet tal-komunità kellhom l-inqas sehem min-nefqa kollha, b’1.2 u 2.2 fil-mija, rispettivament.