Fil-jiem li għaddew saru bosta interventi fil-Parlament dwar kemm hi kbira l-ħtieġa li d-drittijiet tal-annimali jkunu mħarsa dejjem u kullimkien. Dak li ntqal jirrifletti wkoll illi l-ħarsien tal-annimali għandu jkompli jkun imssaħħaħ aktar kif wara kollox jixraq.
Meta nitkellmu dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali m’għandniex nirreferu biss għall-klieb u l-qtates domestiċi, dawk meqjusa bħala pets, iżda għal kull ġeneru ta’ annimali.
Nammettu li minn snin ilu ’l hawn, dan il-qasam ingħata spinta kbira ’l quddiem u wassal biex kiber l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali inklużi dawk li jiġġerrew fit-toroq. Bħalma jsir f’kollox, il-progress illi sar xorta jibqagħlu lok biex jiġi mtejjeb.
Quddiem dan kollu nilqgħu b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern qiegħed jaħdem biex jerġa’ jiftaħ l-Isptar tal-Annimali mill-aktar fis possibbli. Dan għaliex l-ebda annimal u s-sid tiegħu m’għandhom jgħaddu minn kalvarju f’nofs ta’ lejl.
L-Isptar tal-Annimali għandu jkompli jwettaq l-għan fundamentali tiegħu, dak li jopera bħala ċentru aktar speċjalizzat filwaqt li jikkumplimenta u jsaħħaħ is-servizzi diġà eżistenti, mhux li jsir kopja tagħhom.
Barra minn hekk, insemmu wkoll il-fatt li fil-ġimgħat li ġejjin se tinfetaħ emergency clinic sabiex dawk kollha li jiġu bżonn assistenza veterinarja f’ħinijiet atipiċi isibu vet mifuħ bil-lejl u f’festi pubbliċi.
Permezz ta’ bidliet fil-liġijiet tal-pet groomers, illum qed naraw li s-salons li jipprovdu dan is-servizz lil annimali huma armati skont l-istandards li titlob il-liġi, inkluż healthplan, cameras fl-istabbiliment, u dak kollu meħtieġ biex jiġi assigurat l-aqwa kura għall-annimali.
Għaldaqstant nemmnu li l-ħarsien tal-annimali, inkluż fil-lokalitajiet tagħna, huwa importanti ferm li jkompli jissaħħaħ u dan fil-fatt qed inkomplu narawh fil-prattika bl-inċentivi li qed jitniedu u anke bit-twettiq tal-miżuri tal-Budget.

