Monday, March 3, 2025

IL-ĦARSIEN TAS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ TIBQA’ PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Kull ħaddiem għandu d-dritt illi jaħdem f’ambjent fejn is-saħħa fiżika u mentali tiegħu ma jkunux fil-periklu. Għalhekk huwa fl-interess ta’ min iħaddem illi jassigura li joffri ambjent kemm jista’ jkun ħieles minn kwalunkwe periklu. Dan għaliex meta l-impjegati jħossuhom siguri fuq il-post tax-xogħol tagħhom, ikunu jistgħu jiffokaw aħjar fuq dak li jkunu qegħdin jagħmlu bla ma jinkwetaw dwar perikli jew riskji li jeżistu madwarhom. 

Għalkemm jista’ jagħti l-każ li meta nitkellmu dwar dan is-suġġett l-ewwel ħaġa li tiġina f’moħħna tkun is-settur tal-kostruzzjoni u dan minħabba l-għadd ta’ inċidenti li jiġu rrapportati, madanakollu, it-tema tas-saħħa u s-sigurtà tinkorpora fi ħdanha lil kull settur, u dan għaliex kull ħaddiem għandu jkollu dak is-serħan tal-moħħ li ma jkunx hemm riskji żejda fuq il-lant tax-xogħol. 

F’dan ir-rigward, nirreferu għall-aħħar statistika maħruġa mill-NSO li wriet kif fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet, kienu rrapportati 1,103 inċident fuq il-post tax-xogħol, b’ebda wieħed minnhom ma jkun fatali. Filwaqt li dan jindika li naqsu bi ftit l-inċidenti meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, l-akbar numru ta’ inċidenti kienu rrapportati fil-qasam tal-manifattura segwiti mill-kostruzzjoni.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jgħolli u jtejjeb l-istandards fis-settur tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Xhieda ta’ dan hija l-liġi l-ġdida tal-OHSA li qiegħda tibni fuq it-tajjeb li sar f’dawn l-aħħar 20 sena filwaqt li tindirizza r-realtajiet ġodda li qiegħed jaffaċċja pajjiżna. Barra minn hekk, dan l-aħħar tħabbru wkoll sett ta’ għodod leġiżlattivi ġodda li fost l-oħrajn jitrattaw regolamenti dwar il-kostruzzjoni u l-introduzzjoni ta’ reġistru ta’ persuni kompetenti bi standards ċari dwar ir-riskji u korrimenti. 

Għalhekk, filwaqt li nirrikonoxxu l-ħidma li qed iwettaq il-Gvern f’dan il-qasam, nemmnu li huwa importanti li jkompli jissaħħaħ l-għarfien dwar l-improtanza tas-saħħa u s-sigurtà fil-postijiet kollha tax-xogħol sabiex tikber il-kultura favur dan il-qasam kemm min-naħa ta’ min iħaddem kif ukoll tal-impjegati. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport