Saturday, October 26, 2024

Il-ħatra tal-President biż-żewġ terzi ssib intopp

Aqra wkoll

L-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-klawstola tal-‘anti-deadlock’; Il-Ministru Byron Camilleri jisħaq li l-Oppożizzjoni qed topponi bidla li fl-aħħar mill-aħħar kienet ipproponiet

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaqblu li l-President tar-Repubblika jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament madankollu mhux jaqblu x’għandu jsir jekk ma jaqblux dwar il-persuna nominata mill-istess Gvern.

F’ġimgħa fejn il-Gvern se jkun qed iressaq diversi emendi kostituzzjonali fid-dawl tal-kritika li saret mill-Kummissjoni Venezja, l-ewwel emenda li bdiet tiġi diskussa fil-Parlament kienet proprju l-ħatra tal-Kap tal-Istat.

Il-liġi li qed jipproponi l-Gvern taħseb biex wara li l-Gvern jissottometti isem il-persuna li jrid għal din il-kariga ssir votazzjoni fil-Parlament u l-persuna tinħatara jekk żewġ terzi tad-deputati jkunu favuriha.

F’każ li ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ terzi jridu jgħaddu sebat ijiem u jittieħed vot ieħor. Din id-darba l-Gvern ikun jista’ jressaq isem ieħor imma xorta jkun irid iż-żewġ terzi biex ikun approvat.

F’każ li lanqas fit-tieni votazzjoni ma jkun hemm żewġ terzi li jaqblu l-Parlament irid jistenna ġimgħa oħra għat-tielet vot fejn din id-darba l-persuna tiġi eletti b’maġġoranza sempliċi.

Huwa u jippreżenta dan l-abbozz ta’ liġi fil-Parlament il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis iddeskriviha bħala waħda minn sensiela ta’ emendi li fl-istorja politika tiegħu mhux se jkollu okkażjoni oħra fejn iressaq daqshekk liġijiet importanti.

Huwa nsista li l-President tar-Repubblika rridu nħarsu lejh mhux bħala persuna li jkollha poteri f’każijiet ta’ eċċezzjoni imma li jkollha numru ta’ poteri eżekuttivi.

Zammit Lewis irrefera għas-sitwazzjoni preżenti relatata mal-kwistjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u esprima t-tama li fis-sigħat li ġejjin ikun jista’ jagħmel ġudizzju imma nsista li din għandu jeħodha waħdu.

Waqt li semma li kull persuna li nħatret biż-żewġ terzi dejjem kienet ta’ suċċess, Zammit Lewis iddeskriva bħala “argument bażwi” l-oppożizzjoni tal-Oppożizzjoni għall-miżura tal-‘anti-deadlock’ fejn jekk ma jkunx hemm qbil issir votazzjoni u l-persuna tintagħżel b’maġġoranz sempliċi.

Huwa nsista li l-‘anti-deadlock’ li qed jipproponi l-Gvern hija aħjar mil-liġi tal-lum u sostna li l-Gvern qed jerħi l-poter minn idu biex jaqsmu ma’ ħaddieħor.

Min-naħa tiegħu, il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar il-ġustizzja Chris Said beda biex sellem lill-President George Vella għad-disponibilita li wriehom fl-aħħar jiem.

Huwa fakkar kif l-aħħar tliet presidenti nħatru b’mod unanimu u semma kif kien Gvern Nazzjonalista li ħatar President mill-kamp oppost meta għażel lil George Abela, missier il-Prim Ministru attwali.

Waqt li saħaq li wasalna biex nagħmlu diversi emendi għax il-Kummissjoni Venezja ħarġet rapport iebes fuq Malta, Said insista li huma jaqblu li l-President jinħatar biż-żewġ terzi imma ma jaqblux mal-‘anti-deadlock’ proposta.

Huwa nsista li l-Oppożizzjoni qed tissuġġerixxi li jekk ma jkunx hemm qbil fuq il-President iż-żewġ naħat jaħtru Aġent President li jibqa’ f’din il-kariga sakemm ma jintlaħaqx qbil.

Intant f’intervent li għamel fis-seduta tal-lejla fil-Parlament il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, saħaq li l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qed jopponu bidla li fl-aħħar mill-aħħar kienu huma stess li pproponewha.

“Ippermettuli nagħmel referenza għad-diskussjoni ta’ dalgħodu dwar il-ħatra ta’ President tar-Repubblika,” qal Camilleri li rrefera għall-kritika lejn is-soluzzjoni ta’ maġġoranza sempliċi jekk kemm-il darba ma jkunx hemm qbil fuq iż-żewġ terzi. 

Camilleri fisser kif kien l-istess Partit Nazzjonalista bid-deputati li hemm illum li għamlu l-proposta li qed jopponu. “Fid-dokument Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika tal-2015, il-PN stess propona bidla fil-metodu fl-elezzjoni ta’ President ta’ Malta u qal li jekk fl-ewwel żewġ rawnds ma naslux għal ftehim imorru għal maġġoranza sempliċi,” żvela Camilleri. 

Byron Camilleri staqsa: “Għaliex issa kontra? Għax il-gvern se jagħmel il-bidla, xorta waħda rridu nkunu kontra?”

Il-Ministru fisser kif mela hekk qed naraw li din it-tip ta’ oppożizzjoni ftit lesta għal dibattitu kostruttiv. Fid-diskors tiegħu Camilleri rrefera għall-qasma fil-PN u saħaq li din hi problema tal-oppożizzjoni li ġabitha b’idha hi stess u l-pajjiż għandu x-xorti li għandu gvern magħqud li miexi ‘l quddiem.

Sport