Sunday, October 27, 2024

“Il-ħeġġa li nġeddu pajjiżna mhu se tieqaf qatt” – il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

“Il-ħeġġa li nġeddu pajjiżna mhu se tieqaf qatt. Għax Malta li ma tibżax mill-bidla hi Malta li tikber u tissaħħaħ.” Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kienet qed jindirizza business breakfast organizzat mill-Partit Laburista bit-tema “Inġeddu Malta Flimkien”. 

Huwa beda biex qal li b’din it-tema f’moħħna, il-PL qed ilaqqa’ l-konferenza sabiex ikompli jfassal il-politika tiegħu għaż-żmien li ġej. Qal li fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom hemm il-motivazzjoni li nibnu fuq il-ħafna tajjeb li għandna f’Malta li tant inħobbu.

“Daqstant ieħor determinati li nagħrfu fejn stajna għamilna aħjar u nindirizzawh. Kull riforma li rajna tinbet mis-soċjetà hija l-akbar opportunità biex filwaqt li nibqgħu sodi fil-prinċipji tagħna, inġeddu ħidmietna,” tenna l-Prim Ministru.

Qal ukoll li “rridu u se nibqgħu pajjiż riformista filwaqt li bħala partit se nibqgħu nkunu l-aktar għodda effettiva biex dawk ir-riformi jinbidlu f’realtà.”

Huwa tkellem ukoll dwar il-pandemija u qal li minkejja l-isfidi li din ġabet magħha, ngħata lok għal iżjed riflessjoni dwar x’Malta nixtiequ, il-kwalità tal-ħajja fid-diversi aspetti tagħha. 

Dr Abela semma kif taħt it-tmexxija ta’ dan il-Gvern rajna għall-ewwel darba fl-istorja illi l-ġid nazzjonali ras għal ras laħaq il-medja Ewropea. Qal ukoll li għax innegozjajna bilgħaqal, kontra kull tbassir irnexxielna nġibu l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej fi ħdan l-MFF. 

“Malta saret waħda mill-aktar 10 ekonomiji għonja fl-UE”

Il-Prim Ministru żied isemmi li Malta saret waħda mill-aktar 10 ekonomiji għonja fl-UE. “Irridu niddiskutu kif it-tiġdid li se nġibu flimkien ikompli jibni fuq dan il-ħafna tajjeb b’enfasi akbar fuq il-kwalità tal-ħajja. 

“Illum qegħdin ngħixu l-akbar programm infrastrutturali fit-toroq tagħna filwaqt li bdejna naħdmu fuq l-akbar proġett ta’ infrastruttura industrijali f’ħafna snin. Id-domanda issa hi: kif dan it-tiġdid se nżewġuh aħjar mal-ambjent naturali tagħna?”.

Dr Abela qal ukoll li kien proprju dan il-Gvern li għall-ewwel darba nefaq aktar minn €1 biljun fuq benefiċċji soċjali. Dan għaliex fi kliemu stess “irridu naraw lil kulħadd jimxi ‘l quddiem.”

“Iżda l-mistoqsija li rridu nwieġbu tibqa’ kif se nġeddu l-politika tagħna biex minn dik in-nefqa li diġà qed trendi ħafna jkollna ġenerazzjonijiet ġodda li jekk il-ġenituri tagħhom straħu fuq il-benefiċċji soċjali, il-ġenerazzjoni l-ġdida taħrab tiġri ‘l quddiem.”

“Hawn irridu nerġgħu nistaqsu x’tiġdid hemm bżonn fl-esperjenza edukattiva. Nemmen li fost l-aktar punti importanti fil-mod kif irridu naraw l-ekonomija tagħna tkompli tikber b’mod sostenibbli huwa li nsaħħu u nħarrġu lil uliedna fuq suġġeti ta’ xjenza, matematika, teknoloġija u inġinerija. Insaħħu wkoll l-edukazzjoni ambjentali u dik tas-saħħa fiżika u l-isport,” qal il-Prim Ministru.

“Għandna ħsibijiet ċari ta’ fejn irridu nieħdu dan il-pajjiż għaż-żmien li ġej”

Huwa enfasizza wkoll li bħala Gvern, għandna ħsibijiet ċari ta’ fejn irridu nieħdu dan il-pajjiż għaż-żmien li ġej. Iżda qal li rridu nisimgħu aktar u nħabbtu l-ideat tagħna ma’ kulħadd.

“Ħsibijiet li se jkunu riflessi fil-budget li se nressqu. Ħsibijiet riflessi fil-pjan ta’ rkurpru li approvat il-Kummissjoni Ewropea kif ikkonfermat biż-żjara tal-President tal-UE.” 

“Rajna kummenti min-naħa tagħha fosthom dwar il-persentaġġ ta’ nefqa fl-ambjent li pajjiżna propona fil-pjan ta’ rkupru. Qalet li l-pjan tagħna kien imsejjaħ bħala wieħed mill-aktar ambizzjużi fuq l-ambjent mill-Istati kollha tal-Unjoni Ewropea. 

“Il-pjan tatu wkoll timbru bħala mill-aqwa pjanijiet ta’ rkupru li ġew sottomessi lilha,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

“Il-Partit Laburista għandu l-bieb tiegħu miftuħ għall-ideat”

Huwa sostna li qegħdin jittieħdu ħafna inzijattivi li żammewna mexjin ‘il quddiem. Qal li jarralna jekk naħsbu li wasalna t-triq kollha. “Kull darba li ġeddidna lil dan il-pajjiż għamilna hekk għax flimkien iddeċiodejna hekk.”

“Aħna rridu nkunu dik l-għodda biex permezz tagħha jsir dak it-tiġdid. Iżda t-tiġdid tmexxuh intom li tmexxu trejdunins, negozji, kunsilliera, għalliema, infermiera, ħaddiema tal-id, professjonisti iżda fuq kollox iż-żgħażagħ, l-Għawdxin u l-Maltin kollha flimkien.”

Il-Prim Ministru żied jistqarr li jixtieq jisma’ mingħajr kulħadd, bil-Partit Laburista għandu l-bieb tiegħu miftuħ għall-ideat. Tenna wkoll li: “se nibqgħu dik il-forza politika li tisma’, tifhem u taġixxi b’umiltà dejjem, b’saqajna mal-art biex inkomplu ntejbu lil dan il-pajjiż.” 

“Għalhekk qed niffukaw fuq titjib tal-kwalità tal-ħajja għal kulħadd u din hija l-bażi li aħna se nkunu qed noffru fil-politika tagħna. L-għan politiku tagħna jibqa’ li nġeddu Malta flimkien,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Sport