Il-helpline 1400 li twaqqaf apposta biex ikun ta’ gwida għal pazjenti u jagħti parir dwar l-aqwa servizz li jistgħu jużaw għal każ partikolari tagħhom, irċieva ‘l fuq minn 2,800 telefonata. Minnhom, 650 pazjent li ċemplu fuq din il-linja ġew riferuti lejn il-privat.
Kien il-Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela li ħabbar dan permezz ta’ post fuq il-midja soċjali.
Il-Ministru Abela kiteb li jinsab ċert li fiż-żmien li ġej anke permezz tal-kampanja t’għarfien, dawn in-numri se jkomplu jitjiebu għall-ġid tal-pazjent.
Il-helpline li tnieda x-xahar li għadda qiegħed jopera 24 siegħa kuljum b’nies professjonali jagħtu l-għajnuna lill-pazjenti.