Saturday, December 21, 2024

Il-Helpline 179 jirċievi mas-7,800 telefonata relatati mas-solitudni

Aqra wkoll

Il-linja telefonika nazzjonali 179, li toffri appoġġ, informazzjoni dwar servizzi soċjali lokali u aġenziji oħra, u servizz ta’ riferiment lil min iċempel u jeħtieġ aktar sostenn, kompliet issaħħaħ l-operat tagħha kif ukoll ir-riżorsi umani. Skont informazzjoni li nġabret fir-rapport ta’ nofs is-sena 2023 (Jannar-Ġunju), jirriżulta li f’dan il-perjodu kien hemm mas-7,800 telefonata, bl-akbar ammont ta’ telefonati kienu relatati mas-solitudni. 

Fil-preżent dan is-supportline immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), huwa ffurmat minn 20 ħaddiem, il-maġġoranza tagħhom operaturi tat-telefon aċċessibbli 24 siegħa kuljum, u tim ieħor ta’ ħaddiema soċjali li jassisti kontinwament.

Is-Supportline 179 jirċievi telefonati dwar firxa vasta ta’ problemi, fosthom dwar sitwazzjonijiet ta’ abbuż tat-tfal, vjolenza domestika, droga/alkoħol/problemi tal-logħob u persuni bla dar u traffikar uman fost oħrajn.

Din l-informazzjoni ngħatat nhar it-Tnejn filgħodu, waqt żjara illi saret lill-ħaddiema li joperaw dan is-servizz, mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon li tkellem dwar l-importanza, u l-eżistenza tal-kuntatt uman f’sitwazzjonijiet prekarji. 

‘‘Xejn u ħadd ma jieħu post l-kuntatt uman, speċjalment f’sitwazzjonijiet bejn ħajja u mewt. Sfortunatament din hija realta’ kifra li numru ta’ persuni jiffaċċjaw. Aħna qegħdin hawn mhux biex niġġudikaw, imma biex noffru tama, kuraġġ u iktar minn hekk niddentifikaw każijiet li jirrikjedu sapport fit-tul’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon. 

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv, Alfred Grixti tkellem dwar it-taħriġ u s-sapport kontinwu li jingħata lill-operaturi tas-servizz, illi anke jingħataw superviżjoni individwali, sessjonijiet fi gruppi u għandhom ukoll aċċess ghal tim ta’ social workers li huma disponibbli 24 siegħa kuljum.

Intant, it-telefonati kollha li jaslu fuq l-Emotional Support Helpline tal-Unjoni Ewropea 116 123, kif ukoll fuq iċ-Child Helpline 116 111, huma trattati wkoll mit-tim tas-Supportline 179.

Ekonomija

Sport