Saturday, December 21, 2024

Il-Ħelsien: 45 sena wara, inkomplu nflassu soċjetà progressiva

Jikteb is-Segretarju Ġenerali GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

Ħafna kienu l-avvenimenti fl-istorja ta’ Malta fejn il-General Workers’ Union kellha rwol importanti, jekk mhux strateġiku, fit-tfassil tas-soċjetà moderna Maltija kif nafuha llum u l-iżvilupp industrjali ta’ dan il-pajjiż. Kieku kellna norbtu dawn l-avvenimenti f’kullana, magħqudin kollha flimkien, ikollna f’idejna narrativa storika tal-vjaġġ nazzjonali tagħna l-Maltin: minn bażi militari f’idejn il-poter barrani, taħt ħakma kolonjali, għal pajjiż modern b’rgħajna f’idejna, b’bażi industrjali soda, demokrazija b’saħħitha, u b’unjins u sħab soċjali kif ukoll soċjetà ċivili dinamika.

L-istorja żgur ma tistax tiġi rrakkuntata b’anedotti sempliċi, jew minn xi avveniment waħdieni daqs li kieku dawn il-ġrajjiet joħorġu mix-xejn: ta’ spiss, ħafna mill-ġrajjiet storiċi tagħna lanqas għandhom bidu jew tmiem. Ngħid jien u tiela’ l-għolja tal-monument tal-Ħelsien il-Birgu, nistgħu nitkellmu fuq dak li seħħ nhar il-31 ta’ Marzu 1979, mingħajr ma mmorru lura fl-istorja u nirreflettu fuq it-tbatijiet li ġarrbu missirijietna l-ħaddiema? Jew mingħajr ma nikkunsidraw il-kundizzjoni tal-klassi tal-ħaddiem taħt il-ħakma barranija, sabiex wasalna llum 45 sena wara, f’mewġa storika fejn rajna Malta tinbidel f’pajjiż modern ta’ progress bla heda?

Huwa b’sens ta’ emozzjoni li bħala Segretarju Ġenerali tal-ikbar unjin f’Malta, nirrefletti fuq l-istorja li tippreċedi l-Ħelsien u dak li ġie wara dan il-jum: Repubblika tassew ħielsa, mmexxija mill-Maltin għall-Maltin, u kif qal dakinhar Anton Buttigieg, “Repubblika ħielsa mibnija fuq ix-xogħol u mhux fuq il-privileġġi.”

Sabiex ġiet iggarantita dik id-demokrazija, ħafna kienu l-protagonisti ta’ din l-istorja. Il-GWU żgur kienet waħda minnhom. Għax Jum il-Ħelsien ifakkar it-tbatija li għaddew minnha ġenerazzjoni wara oħra ta’ Maltin, biex sa fl-aħħar irnexxielhom ikollhom rgħajhom f’idejhom.

Xieraq li niftakru lil Ġorġ Agius, dakinhar fl-1979 bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU, meta xegħel it-torċa tal-ħelsien li serviet biex iddawwal it-triq ’il quddiem: mument storiku li jibqa’ jiddistingwina bħala l-unjin li sa mill-bidu tagħha, kellha rabta intima mal-iżvilupp soċjo-politiku ta’ pajjiżna.

Meta tara quddiemek it-tiswir tal-andament tal-progress tan-nazzjon tagħna f’dawn l-aħħar erba’ deċennji u nofs, il-General Workers’ Union hija xhieda tas-saħħa kollettiva u r-reżiljenza tal-ħaddiema Maltin tul din l-istorja ta’ progress. Għalhekk fil-Ħelsien aħna nirrikonoxxu l-ħidma li wettaqna flimkien bħala nazzjon, kif ukoll il-ħidma li biha għad infasslu pjan fejn irridu naraw is-soċjetà tagħna.

Tabilħaqq, aħna bħala unjin nibqgħu nappoġġjaw bla heda l-ħarsien tad-drittijiet u l-benessere taċ-ċittadini u l-ħaddiema kollha f’pajjiżna. Dan hu l-qofol tal-ħidma tagħna, li nilħqu l-aspirazzjonijiet tal-membri tagħna. Għalhekk, il-Ħelsien mhuwiex biss ċelebrazzjoni tal-kisbiet tal-passat imma ħarsa lejn futur b’qawwa u determinazzjoni mġedda – bħalma żgur kienet ix-xewqa dakinhar ta’ Ġorġ Agius, u l-perit Dom Mintoff, li tant ħadem sabiex jasal dan il-jum storiku għall-Maltin.

Illum, 45 sena wara, l-impenn tal-GWU li nibnu soċjetà ġusta, ugwali, ħielsa, newtrali u ta’ prosperità, għadu aktar sod minn qatt qabel. Nagħrfu li l-vjaġġ lejn futur aħjar, ħajja ta’ kwalità, huma mibnija fuq il-kompetenzi, ħiliet u abbiltajiet tal-ħaddiema tagħna. U x-xogħol għandu jkun dak li jagħti d-dinjità bi ħlas u kundizzjonijiet xierqa, saħħa u sigurtà.

Għalhekk il-GWU qiegħda tistinka bil-proposta tagħha favur leġiżlazzjoni biex kull ħaddiem ikun imsieħeb fi trejd unjin tal-għażla tiegħu. Din hi proposta li tinkorpora t-twemmin tagħna fil-qawwa tal-ħidma kollettiva u s-solidarjetà. Għax huwa essenzjali li biex niżguraw xogħol ta’ kwalità, jeħtieġ li kull ħaddiem ikollu l-opportunità li jkun rappreżentat u appoġġjat minn trejd unjin. Hekk inkunu qed insaħħu l-vuċi tal-ħaddiema u nrawmu soċjetà aktar ġusta u inklussiva.

Milux l-għaqda ta’ min iħaddem ħarġet bi hgarha kontra din il-proposta. M’hemmx bżonn nidħlu wisq fil-fond dwar min għandu għal qalbu l-ħarsien tad-drittijiet sħaħ tal-ħaddiema: żgur li min jitkellem favur min iħaddem m’għandu l-ebda mandat, wisq u anqas xi dritt, li jitkellem fuq x’jeħtieġ il-ħaddiem. Il-General Workers’ Union taf – u anke min iħaddem jafha – li din il-proposta se tagħti vuċi lil dawk l-eluf ta’ ħaddiema bla vuċi li ta’ kuljum ibatu inġustizzja, abbużi u sfruttament fuq il-post tax-xogħol.

U din hija kwistjoni ta’ importanza fundamentali għax fuqha huwa mfassal il-prinċipju tad-demokrazija fil-postijiet tax-xogħol, kif ukoll il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u solidarjetà li fuqhom hija mibnija. Ma setax ikun iżjed idonju għalina li nkomplu nissieltu favur dan id-dritt f’Jum il-Ħelsien. Aħna se nibqgħu niġġieldu kontra l-preġudizzji ta’ min iħaddem lejn il-kunċett tad-demokrazija iżjed wiesgħa fuq il-post tax-xogħol.

Għalhekk, hekk kif nirriflettu fuq il-kisbiet ta’ dawn l-aħħar 45 sena, ejjew ukoll nikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħna biex nibnu futur fejn kull ħaddiem jingħata s-setgħa, kull leħen jinstema’, u kull individwu jingħata d-dinjità u r-rispett li bi dritt jixraqlu.

Flimkien, ejjew inkomplu nistinkaw lejn Malta li mhix biss ħielsa imma wkoll ġusta, inklussiva, u prospera għal kulħadd.

Nesprimi l-ħajr tiegħi lil kull wieħed u waħda minnkom – membri, rappreżentanti, delegati, assistenti segretarji, segretarji u amministrazzjoni – għall-appoġġ u d-dedikazzjoni bla waqfien tagħkom, għall-ideali u l-prinċipji li jgħaqqduna bħala trejd unjin u bħala nazzjon.
 

Ekonomija

Sport