Illum pajjiżna jiċċelebra s-47 anniversarju mill-kisba tal-ħelsien sħiħ mill-ħakma barranija, f’kuntest li pajjiżna għal għexieren ta’ mijiet ta’ snin għex dejjem maħkum minn xi forza barranija li kienet tiddomina fil-Mediterran.
Il-31 ta’ Marzu tal-1979, mhix ċelebrazzjoni għaċ-ċekċik tat-tazzi tal-grokk, imma hi t-tifkira li kompliet sawret l-identità ġdida ta’ pajjiżna. Dan sar billi artna saret verament tal-Maltin għaliex, għalkemm dakinhar konna ilna 15-il sena indipendenti u pajjiż sovran, konna bqajna b’bażi militari barranija li baqgħet tirregola ċertu movimenti ta’ ċittadini Maltin.
Iżda l-Ħelsien li nkiseb 47 sena ilu ma kienx wieħed ta’ natura simbolika u storika biss imma wkoll effettiv tant li pajjiżna, għax kiseb il-ħelsien, seta’ jaġixxi aktar kif ried hu u kif iddettaw iċ-ċirkostanzi tal-mument. Kien permezz tal-Ħelsien li pajjiżna kompla jimbarka fuq politika barranija bbażata fuq in-newtralita’ u n-non-allinjament.
U hawn jidher kemm il-politikanti ta’ dak iż-żmien kienu viżjonarji. Tant li adottaw għal pajjiżna politika partikolarment ta’ newtralità. U dan rajnieh iseħħ b’mod tanġibbli f’din il-gwerra ta’ bħalissa fil-Lvant Nofsani, fejn pajjiż bħal Ċipru ġie attakkat sempliċiment għax kellu bażi militari barranija.
Min jaf x’kien jiġri lilna li kieku pajjiżna, fl-1979, ma ħelisx mill-bażi militari barranija li kienet ilha snin twal fostna? Għalhekk illum iktar minn qatt qabel tidher ir-rilevanza li pajjiżna jkun newtrali u f’każ ta’ kunflitt, la jkun favur naħa u lanqas kontra oħra. Mhux biss, imma wkoll għax pajjiżna llum hu newtrali, huwa f’sitwazzjoni fejn il-ħin kollu jimbotta l-paċi, id-djalogu u li d-diplomazija għandha tkun is-soluzzjoni għall-kunflitti u mhux l-armamenti. Kif fil-fatt għamel meta kien afdat bit-tmexxija tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.
Il-Ħelsien m’għandux ikun biss fil-qasam militari imma wkoll fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-poplu. Għaliex x’jiswa l-Ħelsien għal pajjiżna jekk ma jkunx ikkumplimentat bi żvilupp soċjali u ekonomiku kontinwu li permezz tiegħu l-poplu jkun jista’ jgħix ħajja ta’ kwalità?
Quddiem dan kollu, Jum il-Ħelsien għandu jibqa’ tifkira tal-imgħoddi imma wkoll iservi ta’ forza ħajja li tmexxina ‘l quddiem kuljum f’kull deċiżjoni li nieħdu u f’kull pass ‘il quddiem li nagħmlu flimkien. Għax il-ħelsien tagħna ma jispiċċax hawn. Imma l-ħelsien tagħna jgħix fina u flimkien irridu nkomplu nagħtuh tifsira ġdida, illum, għada u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

