Il-ħeġġa tal-Maltin biex ikollhom rajhom f’idejhom u jinħelsu darba għal dejjem minn kull ħakma barranija ma trawwmitx fis-snin ta’ qabel il-kisba tal-indipendenza u l-ħelsien iżda tmur lura sa anke qabel l-irvellijiet tas-Sette Giugnio 1919, jiġifieri aktar minn 100 sena ilu. Il-bidu tal-Partit Laburista fl-ewwel nofs tas-seklu l-ieħor kompliet issaħħaħ din ir-rieda fost il-ħaddiema Maltin sakemm wara l-irvellijiet tat-28 t’April tal-1958 il-Partit Laburista immexxi minn Dom Mintoff ta spinta kbira lill-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti meta beda jiddikjara li jrid li pajjiżna jkollu l-Ħelsien sħiħ minn kull ħakma barranija.
L-ostakli għall-viżjoni tal-Partit Laburista ta’ ħelsien sħiħ ma kienux ftit. Biżżejjed insemmu l-isforzi u l-maniġġi li saru fis-snin sittin biex żammew lill-Partit Laburista ‘l bogħod mit-tmexxija tal-pajjiż sakemm fl-1971, il-poplu fehem li t-triq li kien qiegħed ifassal il-Partit Laburista kienet l-aħjar triq għall-pajjiż tagħna. Il-bidla li bdiet isseħħ f’pajjiżna mal-miġja tal-Partit Laburista fil-Gvern fl-1971 kienet waħda ta’ sinifikat kbir. Din ġabet magħha lill-ewwel Kap tal-Istat Malti, il-ftehim storiku tal-1972 għall-għeluq tal-bażi Ingliża fl-1979 u l-kisba tad-dikjarazzjoni ta’ Malta Repubblika ibbażata fuq ix-xogħol. Ma dawn il-kisbiet kollha rridu nżidu wkoll il-kisba tad-dikjarazzjoni tan-newtralità ta’ Malta fl-1987.
Kienet direzzjoni politika viżjonarja li għadha rilevanti sal-lum. U meta jinqalgħu kriżijiet dinjin bħal dik li għaddejja minnu d-dinja bħalissa bil-gwerra fl-Ilvant Nofsani u l-Golf Għarbi din ir-rilevanza tkompli tikber. Għaliex min jaf x’inkwiet kien ikun għaddej minnu l-poplu Malti f’dawn il-jiem li kieku għad għandna fostna xi bażi militari barranija.
Il-ħelsien li kiseb pajjiżna f’Marzu tal-1979 ma kienx biss wieħed politiku. Dan il-ħelsien tana rajna f’idejna biex niddeċiedu aħna x’tip ta’ ekonomija ridna nibnu għal pajjiżna. Bdejna billi waqqafna id-dipendenza tagħna fuq qliegħ tal-flus minn dak li kienet tiġġenera l-ekonomija mil-bażi militari f’pajjiżna. Bil-ħelsien sirna aħna niddeċiedu f’liema oqsma ridna nimirħu biex ħloqna l-industriji li għażilna aħna, żviluppajna t-turiżmu, kabbarna diversi niċeċ ekonomiċi bħal tas-servizzi finanzjarji, il-gaming, l-avjazzjoni, il-farmaċewtika u oħrajn. Fuq kollox bnejna qafas ta’ sigurtà soċjali magħġun ma’ servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni mill-aqwa li jagħtu l-aqwa protezzjoni lill-poplu tagħna.
Waqt li qegħdin niċċelebraw is-47 Anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien tajjeb li nħarsu ftit lura u ngħożżu dak kollu li ħadmu għalih ta’ qabilna biex illum wasalna fejn qegħdin illum. Dan mhux semplici tifkira ta’ grajja li seħħet snin ilu, imma rikonoxximent tat-tifsira ta’ dan il-jum. Mument li fih niftakru dak li ksibna u għaliex hemm importanza ta’ din il-kisba li għadha rilevanti sal-lum. Kisba li ħelsitna minn bażijiet militari barranin, ir-rieda ma taqtax li noħolqu x-xoghol lil hinn mill-mezzi tal-gwerra u l-għarfien li dan il-pajjiz jista’ jibqa’ jirnexxi minkejja ċ-ċokon tiegħu.
Bħala poplu rnexxielna nimxu ħafna ‘l quddiem u saħansitra avvanzajna anke aktar minn pajjiżi ferm akbar minna, fil-ġid li rnexxielna noħolqu għall-poplu tagħna. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan l-anniversarju issa hija okkażjoni biex inħarsu ‘l quddiem ħalli nkomplu mmexxu lil pajjiżna fit-triq tal-prosperità li twassalna biex inkomplu ntejbu u nsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

