Sunday, January 12, 2025

“Il-Ħidma li wettaqna ser tissarraf f’servizzi aħjar u aktar effiċjenti”- il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela

Aqra wkoll

Sena ilu, il-Prim Ministru Robert Abela fdali d-dekasteru għas-saħħa u l-anzjanità attiva.  Kull ministru li jiġi fdat dan is-settur, jaf li ser ikun dieħel għall-qasam li jolqot lill-kulħadd, minn qabel il-konċepiment sa wara li tintemm il-ħajja.

Għax għandna ekonomija b’saħħitha, il-Gvern kien lest li jinvesti €1.5 biljun f’dan is-settur daqshekk sensittiv.  Biex nagħmlu paragun, fl-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonlista, il-baġit għas-settur tas-saħħa kien ta’ €415-il miljun.  Qed insemmi dawn iċ-ċifri biex wieħed jifhem li meta llum Bernard Grech u sħabu jikkritikaw bil-qawwi is-settur tas-saħħa, wieħed jiftakar kemm ma kienx isir investiment fis-saħħa u fil-ħaddiema f’dan is-settur. Dawn tal-aħħar ma kienux stmati fil-kundizzjonijiet li kellhom taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.

Jekk wieħed kellu jistaqsini, x’kien l-akbar sodisfazzjon li kelli mill-ħidma li wettaqna matul l-2024, bla tlaqliq inwieġeb li bdejt nara l-bidu tat-twettiq tal-viżjoni li għandi jien u l-kollegi tiegħi għal dan is-settur.

Ħareġ it-tender sabiex id-Dipartiment tal-Emerġenza jikber biex minflok naraw bejn 30 u 35 pazjent fl-istess ħin, inkunu nistgħu naraw 70 f’daqqa.  Hi binja li sejra tara t-twettiq ta’ xi ħaġa oħra importanti.  Is-servizz tas-saħħa mentali bħalissa jigi offrut mill-Isptar Monte Carmeli. Kienet deċiżjoni storika li fil-ġejjieni dan is-servizz ħa jiġi trasferit għall-Isptar Mater Dei.  Persuna li għandha bżonn għajnuna fis-saħħa mentali m’għandha xejn differenti minn persuna li għandha bżonn kura fir-rigward tas-saħħa fiżika.

Dan huwa gvern li jrid jeqred darba għal dejjem l-istigma kontra dawk li għandhom bżonn għajnuna dwar is-saħħa mentali u kontra l-haddiema li joffru dan is-servizz.  Il-binja ġdida ser tkun faċilità għal madwar 130 pazjent.  Imma l-gvern irid imur lil hinn minn hekk.  Irid li fejn hu possibbli, dawn il-persuni jirċievu l-għajnuna fil-komunità.  Għalhekk, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, ser ninvestu €4.5 miljun biex il-kunsilli jgħinu lil dawn il-persuni.

Dan ma jfissirx li l-Isptar Monte Carmeli ser nabbandunawh, kif ghamel Gvern Nazzjonalista bl-Isptar San Luqa.  Ser inkomplu naraw li Monte Carmeli, ikun post sabiħ mogħni b’ġonna sbieħ, ikun addattat għall-ħtiġijiet tal-lum sakemm l-aħħar pazjent ikun għadu reġistrat hemmhekk.  Dritt wara, il-viżjoni tiegħi hija li l-binja toffri ċentru ta’ eċċellenza għal dawk l-anzjani li jinħtieġu kura fit-tul.

Bir-raġun, it-tobba llum saru jitolbu għall-pazjenti tagħhom, aktar użu mis-servizzi radjoloġiċi sabiex ikunu aktar ċerti mid-dijanjożi.  B’riżultat t’hekk żdiedu t-talbiet għall-MRIs u CT Scans.

Biex nindirizzaw it-talba għal dan is-servizzi, inawgurajna MRI l-aktar avvanzata fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex pazjenti Għawdxin jinqdew mingħar il-bżonn li jaqsmu lejn Malta.  Bdiet tintuża wkoll mobile MRI.  It-tliet magni tal-MRI fl-Isptar Mater Dei saru jaħdmu sebat ijiem fil-ġimgħa, 22 siegħa kuljum. Allokajna €3.8 miljun biex isiru 31,200 MRI extra fi żmien sena.  

Sar ukoll investiment ta’ €400,000, biex saru 3,000 CT scan aktar f’ħinijiet barra mill-dawk normali tax-xogħol.  Ir-riżultati diġa qed juru għax in-numri ta’ stennija qed jonqsu.

Anke fir-rigward ta’ ċerti operazzjonijiet, il-gvern qed jinvesti $14-il miljun biex ċerti operazzjonijiet isiru fil-privat.  Dawn jinkludu ċertu operazzjonijiet tal-ortopedija, tal-ftuq u kataretti fost l-oħrajn.  

Saru investimenti f’kull qasam.  Wasal lejn tmiemu ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni  fuq il-klinika tal-IVF u fil-laboratorji tal-ipproċessar li jmissu miegħu.  

Bdiet tintuża it-teknoloġija tal-MR Linac għall-pazjenti ġewwa l-isptar tal-onkoloġija.  Permezz ta’ din it-teknoloġija, ir-radjuterapija tista’ tiġi ndirizzata bi preċiżjoni f’organi morda u b’inqas effett fuq l-organi l-oħra tal-ġisem.

Għandna wkoll il-pjanijiet għall-espansjoni tal-qasam tal-kura intensiva (ITU) b’investiment ta’ €7 miljun biex dan l-ispazju jikber b’40%.

Fl-isptar Ġenerali t’Għawdex, il-wegħda li jkun hemm sptar ġdid bdiet titwettaq.  Sar il-Medical Brief u allura nafu b’ċertezza x’irridu.  Saru l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi fejn ser issir il-binja l-ġdida.  L-investiment xorta mhux nieqes fis-sit preżenti għax żdiedu servizzi sabiex aktar Għawdxin jinqdew ġewwa Għawdex stess.  Fuq kollox, qassarna il-ħin ta’ traġit bil-helikopter għal dawk il-pazjenti Għawdxin li jkollhom bżonn jiġu trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei f’emerġenza. Illum, f’medja ta’ 15-il minuta, pazjent jitlaq mill-Isptar f’Għawdex u jibda jirċievi l-kura meħtiega ġo Mater Dei.

Ħolqa mportant fis-servizzi tas-saħħa huwa dawk offruti miċ-ċentri tas-saħħa.  Qed isir xogħol ta’ rinnovar f’diversi ċentri u xiri ta’ apparat ġidid.  Illum għandna tliet ċentri tas-saħħa miftuħa 24 siegħa kuljum.  Dawn irriduhom jitilgħu għal ħamsa.  Mhux faċli li dan isir mil-lejl għan-nhar għax trid ikollok aktar prfessjonisti jiggradwaw ħalli jagħtu s-servizzi.  Sadanittant, il-gvern hu miftuħ għall-ideat mill-kunsilli lokali sabiex joffru servizzi tas-saħħa fil-lokalità tagħhom bil-għajnuna tat-tobba tal-familja.

Pass important ieħor kien it-tnedija tal-istrateġija għas-saħħa sesswali għall-ħames snin li ġejjin.  Ħabbarna wkoll waqt din it-tnedija li l-Morning After Pill se tiddaħħal fil-formolarju nazzjonali, il-kontraċettivi se jitqassmu b’xejn u sal-aħħar ta’ din is-sena, l-Gvern se joffri t-trattament kontra l-HIV– PrEP u PEP.

Fir-rigward tal-Anzjanità Attiva, matul ix-xhur li għaddew komplejna għaddejjin bit-twettiq tal-istrateġija li konna nidejna fl-2023. Żdiedu s-servizzi fil-komunità, saru aktar investimenti fiċ-ċentri ta’ matul il-jum u żdiedu s-servizzi fir-Residenza San Vinċenz. Ġie varat ukoll is-servizz rivoluzzjonarju ta’ kura intermedjarja.

Filwaqt li nirringrazzja lill-ħaddiema kollha mill-kbir saż-żgħir, kif qed taraw, il-viżjoni tal-gvern hi waħda ħolisitka, b’għan wieħed: dak li nkomplu nsaħħu s-servizzi t’eċċellenza li jingħataw.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport