Waqt avveniment imtella’ mill-kumpanija OZO Group fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif din il-kumpanija privata, tul is-snin li ilha topera, kibret bħala negozju fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku.
Il-Prim Ministru rrefera għar-riżultati ekonomiċi pożittivi li Malta qed tgawdi minnhom illum. “Illum għandna aktar nies jaħdmu, inqas qgħad u aktar ġid. Dawn ir-riżultati huma frott ta’ politika ekonomika stabbli u mmirata lejn tkabbir sostenibbli,” qal Dr Abela.
Huwa żied li l-Gvern fetaħ il-bieb tat-tkabbir u warrab l-awsterità. Fl-istess waqt, il-ħila tas-settur privat, ir-riskji kkalkulati u l-impenn ta’ mijiet u eluf ta’ kumpaniji mmexxija mill-Maltin komplew jibnu u jsaħħu dan is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega li, għall-Gvern, it-tkabbir ekonomiku waħdu qatt ma kien biżżejjed. “Aħna nemmnu f’ekonomija li tikber, iżda mhux li tikber askapitù tal-kwalità, tal-ġustizzja u r-rispett lejn il-bniedem, hu min hu,” qal Dr Abela. Sostna li jeħtieġ li l-ħaddiema jkunu impjegati f’oqsma fejn hemm verament bżonn, li jingħataw kundizzjonijiet ġusti, li jkunu rispettati minn min iħaddimhom.
Dr Abela qal li r-riżultati ekonomiċi li qed naraw illum huma xprun għall-Viżjoni Malta 2050, viżjoni mibnija fuq tkabbir sostenibbli, kwalità ta’ ħajja aħjar u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Il-Prim Ministru semma kif din l-istess viżjoni se ssarraf fl-ewwel pjan nazzjonali komprensiv li qatt kellu pajjiżna.
Huwa għamel ukoll referenza għall-fatt li l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (l-IMF) qalulna nhar il-Ġimgħa li Malta hija l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea li tant hu fdat li l-IMF ma jħossx il-ħtieġa ta’ sorveljanza ekonomika ta’ kull sena. “Minkejja dan, f’Malta li nemmnu fiha aħna, dik li tħares ’il quddiem, is-suċċess ma jitkejjelx biss bit-tkabbir tal-kejk nazzjonali jew biċ-ċifri. Jitkejjel ukoll b’kemm ikollna ħin għall-familja, b’kemm inkunu nistgħu ngawdu ħajjitna u b’kemm jibqalna flus fil-but biex nużawhom kif nixtiequ. Din hija l-Malta li qed nibnu flimkien,” saħaq il-Prim Ministru.
Fl-istess waqt, huwa rrefera għall-investiment li qed isir fl-ispazji pubbliċi, b’mod partikolari l-proġetti ta’ Manoel Island, White Rocks, Forti Campbell, Forti Tigné u Forti San Salvatur. Dr Abela nnota wkoll li bil-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li ġie mħabbar il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern qed jara li l-investiment mill-privat jagħti lok biex igawdu direttament minnu l-Maltin u l-Għawdxin.
Dr Abela għamel referenza għall-inizjattiva “OZO 30 Initiatives”, programm imfassal apposta li permezz tiegħu l-kumpanija OZO Group se twettaq 30 proġett li se jħallu impatt mhux biss fuq il-kumpanija nnifisha u l-ħaddiema tagħha, iżda wkoll fuq il-komunità inġenerali.

