Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?
L-imħabba tiegħi lejn il-hockey tista’ tgħid li bdiet mix-xejn. Il-grawnd ta’ Qormi Hockey Club jinsab triq ‘il bogħod minn fejn kont noqgħod u meta kelli għaxar snin dejjem kont nilgħab fit-toroq u meta kien fetaħ fil-bidu stajna mmorru biex nippruvaw. Niftakar vera konna numru żgħir li maż-żmien spiċċajt kbirt jien u kiber il-klabb ukoll.
Kif komplejt tevolvi f’dan l-isport li tant tħobb?
Apparti dan l-isport kont nilgħab kemm futbol u anke basketball peró l-ġibda lejn dan l-isport baqgħet intiża. Kompliet tikber meta konna ntgħażilna grupp ta’ plejers sabiex nipparteċipaw f’Real San Cataldo ġewwa Sqallija li kienet esperjenza mill-isbaħ.
X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera mill-aqwa tiegħek fil-Hockey?
Unur kbir li ma ninsa qatt żgur huwa meta konna rbaħna r-raba’ kampjonat għal Ħal-Qormi wara li kont għadni kif tlajt mal-kbar u wara snin kbar, li illum wasalna għal 15 li dejjem kont involut fihom.
Unur ieħor sabiħ huwa l-Eurohockey Challange III li rbaħna kemm-il darba imma ovvjament l-ewwel darba tibqa’ esperjenza sabiħa ħafna. Nista’ ngħid li din is-sena bħalma jgħidu ‘tops it all up’ għaliex irbaħna kull Tazza li tista’ tintrebaħ fis-seniors.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali tal-Hockey?
Xi ħaġa li ma tistax tiġi spjegata imma trid tkun fiha hija l-ħaġa li tkun qed tirrapreżenta lil Malta. Hekk kif jindaqq l-innu Malti, l-eċċitament u l-bard li jaqbdek huwa tal-meravilja. Esperjenza sabiħa ħafna li qatt mhu se ninsa!
X’tikkummenta fuq dan l-aħħar staġun memorabbli għal Qormi HC u li fih irbaħtu l-unuri kollha disponibbli?
Huwa unur li fl-istorja nista’ ngħid li kont fih b’għożża kbira. Kien ta’ ħidma kbira kemm min-naħa tiegħi u anke minn sħabi l-plejers u l-kowċ li dejjem jipprova jmexxina fl-aħjar strateġiji.
Int ukoll umpire. Aghtina iktar dettalji, u kemm hu differenti dan ir-rwol minn dak ta’ plejer?
Iva, dan huwa rwol differenti ħafna minn dak ta’ plejer. Infatti l-ewwel ħaġa li trid titgħallem biex ma tiġix ‘ball watching’ għax li tkun umpire mhux biss x’ikun qed jiġri mill-ballun iżda tal-madwar ukoll. Li tkun umpire hija xi ħaġa ta’ dixxiplina ukoll għalija għaliex titgħallem kif tgħin tmexxi l-logħba fl-aħjar direzzjoni.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u/jew żgħażagħ li bħalek jixtequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-hockey.
Ħafna nies meta jisimgħu l-kelma hockey, jimmaġinaw daqqiet ta’ stikek u ma nafx xi smajt iktar, peró, dan mhu xejn minnu iżda huwa sport li jgħallmek ikollok kordinazzjoni u jinvolvi ħila wkoll. Mill-esperjenza tiegħi nista’ ngħid li dejjem kelli sfida sabiex nikkordina iżda ġiegħlni nkun il-persuna li jiena llum. Determinat u dejjem lest għal sfidi ġodda.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas persważ li tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti wara dan is-suċċess li ksibtu bħala Qormi Hockey Club.
Dan kollu beda bl-imħabba kbira li għandi lejn l-isport peró ma nistax ma niringrazzjax lil ommi u lil missieri li kienu dejjem hemm għalija kemm fit-tajjeb u anke fil-ħażin, u lil oħti li dejjem appoġġjatni bis-sħiħ f’kollox. Saħansitra tilgħab l-hockey bħali wkoll.
Fl-aħħar u mhux l-inqas nirringrazzja ħafna lill-mara tiegħi għax li kieku m’għandix lilha b’din il-ħajja li għandna flimkien mat-tliet anġli tagħna, żgur li ma nkunx nista nkompli ninvolvi ruħi f’dan l-isport tant għal qalbi!