Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?
L-imħabba tiegħi lejn il-hockey bdiet proprju 24 sena ilu mill-iSkola Primarja fejn iltqajt ma’ dan l-isport. Kont inżilt darba l-klabb ta’ Ħal Qormi u minn hemm laqtitni l-logħba partikolari tal-hockey.
X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-kampjonat għal darb’oħra minn Qormi HC fil-jiem li għaddew?
Is-sigriet hu wieħed sempliċi biex tikseb suċċess, Trid iżżomm id-dixxiplina bħala plejer individwali u tkun ta’ eżempju biex taħdem flimkien ma’ sħabek għall-uniku għan li kulħadd jaħdem għalih … ir-rebħ!
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Ksibt bosta suċċessi kemm lokali u anke dawk internazzjonali f’bosta pajjiżi kif ukoll f’kompetizjonijiet tal-Euro Hockey Challenges.
Dawk huma ftit mill-isbaħ mumenti ta’ ħajti fejn tagħmel lil Malta onorata b’suċċess importanti bħall-Euro.
Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-hockey f’pajjiżna hu wieħed għoli u nemmen li bi ftit iktar għajnuna finanzjarja u anke iktar ħidma biex inħajru diversi nies jiġu jaraw il-logħba tal- hockey, il-livell ikompli jitla’ speċjalment mill-juniors fejn huma jridu jkomplu dan is-suċċess sabiħ.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?
Sfortunatament, il-mentalitá tal-isport Maltija għadha mhux professjonali biżżejjed speċjalment fejn jidħlu ħin biex l-isport jiġi pprattikat. Bi sforż kultant ikollok tagħżel il-karriera tax-xogħol u titlef jew tnaqqas il-karriera tal-isport.
Bi ftit iktar għajnuna lill-isport nemmen li Malta għandha fejn tikseb iktar suċċess u tagħmel iktar preżenza f’iktar kompetizzjonijiet internazzjonali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey?
Il-futur tiegħi fil-hockey nemmen li mhux ħa jieqaf għax nikber. Nixtieq li nkompli bl-esperjenza tiegħi billi anke noffri s-servizzi tiegħi bħala kowċ meta jkun wasal iż-żmien li nieqaf bħala plejer. Sadanittant nibqa’ naħdem flimkien mat-tim sabiħ li nilgħab miegħu ħa niksbu iktar suċċessi flimkien!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-hockey.
Inħeġġeġ bis-sħiħ lil dawk kollha li ma jafux din il-logħba sabiex jippruvawha għaliex din hija logħba partikolari li ma’ darba li tippruvaha, wieħed jorbot qalbu magħha u jkun irid jiskopri dejjem iktar dan l-isport tant sabiħ!
Il-hockey hu sport ta’ dixxiplina u maturitá anke mentalment, kif ukoll għandek opportunitajiet li ma tikbirx biss lokalment imma anke fix-xena internazzjonali.