Il-holders tad-David Cluett Memorial Cup Rabat Ajax sofrew telfa kbira ta’ 7-1 kontra Luxol St Andrew’s.
Din il-kompetizzjoni, li tfakkar lill-eks goalkeeper internazzjonali Malti David Cluett, timmarka r-ritorn tal-futbol tal-veterani wara l-waqfa tas-sajf.
Luxol, fir-ritorn tagħhom f’din il-kategorija tal-futbol, kellhom lil Matthew Schembri li skorja doppjetta filwaqt li Glenn Bonello, Nenad Stankic, Tyron Borg, Leighton Grech u Nazzareno Abela għaqqdu l-iskor għal Luxol.
Rabat skorjaw l-uniku gowl tagħhom permezz ta’ Leandros Calleja.
Referee kien Milos Krstic.
Gżira United u MFPA offrew konfront mill-isbaħ hekk kif il-logħba ta’ bejniethom spiċċat fi draw ta’ 4-4.
Minkejja li l-MFPA kienu qed jirbħu speċjalment f’mument minnhom kienu 4-2 minn fuq, il-Gżirjani wettqu risposta sabiex ħadu punt minn dan il-konfront.
L-akkwist il-ġdid Romeu Romao skorja doppjetta għal Maroons filwaqt li Zvezdan Vukovic u Kevin Sammut għenu lit-tim tagħhom jaslu għad-draw.
MFPA kellhom lil Mark Barbara jiskorja doppjetta filwaqt li Stanimir Miloskovic u George Frendo kienu wkoll fost l-iskorers.
Referee kien Sillah Al Hasana.
Floriana bdew l-istaġun tagħhom b’rebħa komda ta’ 6-2 kontra Hibernians.
Manolito Micallef skorja tliet gowls filwaqt li Michael Borg Olivier skorja awtogowl. Dylan Grima u Bojan Kaljevic kellhom sehem bil-gowls l-oħrajn tal-Greens.
Hibernians naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Glanville Goodlip u Ilia Nazarov.
Referee kien Milos Krstic.
Birkirkara St Helen’s għelbu lil Żurrieq Wolves 6-3.
Il-Karkariżi skorjaw sa mill-bidu tal-logħba u ma kienx hemm dubju fejn se tmur ir-rebħa finali.
Firas Aboulezz kien l-eroj ta’ Birkirkara meta skorja erba’ gowls filwaqt li Mark Gauci u Dylan Zarb inkitbu wkoll fuq il-ktieb tal-iskorers.
Kevin Vella, Bjorn Bondin u Ahmed Trabelsi skorjaw il-gowls ta’ Żurrieq.
Referee kien Sillah Al Hasana.