Monday, May 19, 2025

Il-holders Valletta St Paul’s fis-semi-finali wara rebħa kontra Għaxaq Wolves

Aqra wkoll

Il-holders Valletta St Paul’s għaddew għas-sem-finali tal-MAFA KO meta fi kwarti tal-finali ferm missielta, huma għelbu liċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni Għaxaq Wolves 1-0.

Kienet logħba li kien fiha minn kollox b’Għaxaq li saħansitra spiċċaw jilagħbu bi tmienja min-nies wara li r-referee keċċa tliet plejers.

L-ewwel taqsima kienet waħda fejn Għaxaq ħolqu diversi ċansijiet iżda l-goalkeeper ta’ Valletta Ivan Valentin kien f’forma mill-aqwa u laqa’ diversi xuttijiet indirizzati lejh.

Wara li Valletta kellhom lill-kowċ Kris Bugeja li tkeċċa minn fuq il-bank, ftit qabel l-intervall, l-istess xorti messu Sebastian Nayar ta’ Għaxaq.

Fit-tieni taqsima, Għaxaq tilfu lil Diego Fernando Pereira wara li weġġa’ u b’hekk ħadu daqqa ta’ ħatra fl-attakk.

Valletta ngħataw penalty fis-56 minuta meta Alex Cloth waqqa’ lil Jerome Fiteni fil-kaxxa sabiex mill-11-il metru kien Ian Zammit li għeleb lill-goalkeeper Pineiro.

Aktar tard kellhom anke lil Matteo Muscat u Diego Ovallos imkeċċija biex spiċċaw jilagħbu bi tmienja min-nies.

Referee kien Igor Kankaras.

Marsa St Michael kisbu rebħa ta’ 4-1 kontra Qajjenza ACJ sabiex għaddew għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni.

Minkejja kollox, kienu Qajjenza li marru minn fuq fis-27 minuta permezz ta’ Ian James Blake sabiex fit-tieni taqsima, Marsa dawru l-iskor favurihom b’doppjetta ta’ Seedy Fofana u gowls oħrajn ta’ Emerson Amaira u Shawn Vella.

Referee kien Ray Tabone.

Attard Edex Kings kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Ta’ Ġiorni Wanderers. Kienet logħba fejn it-tim mit-tieni diviżjoni għeleb lil dak tal-ewwel diviżjoni li ġie relegat matul dan l-istaġun.

It-tim minn Attard mar minn fuq fl-20 minuta permezz ta’ Fayis Valiya Parambath sabiex fit-tieni taqsima, Miguel Ramires Acevedo, Ali Oularbi u Kiran Das Vallikkattu issiġġillaw ir-rebħa għat-tim tagħhom.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Il-finalisti tas-sena l-oħra San Ġiljan Saints sfaw eliminati minn din il-kompetizzjoni wara li ċedew fl-għoti tal-penalties kontra t-tim mit-tieni diviżjoni Birżebbuġa St Peter’s AFC.

L-iskor sa tmiem il-logħba kien dak ta’ 2-2 u minkejja li ntlagħab il-ħin barrani, l-ebda tim ma skorja sabiex id-destin kellu jiġi deċiż mill-11-il metru.

Kien hawn li Attard rebħu 8-7.

Aktar qabel kien Oussama Boutayeb li poġġa lil Birżebbuġa minn fuq wara ħames minuti logħob, sabiex David Chidera Esiofor għamilhom 2-0 fis-26 minuta.

San Ġiljan Saints naqqsu l-marġni tal-iskor erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Julien Muller sabiex Victor Sandy Paillot għamel l-iskor 2-2.

Referee kien Peter Abela.

Sadanittant nhar is-Sibt jintlagħbu s-semifinali fil-grawnd ta’ Marsaxlokk hekk kif il-partitissima bejn Marsa St Michael u Valletta St Paul’s tibda fl-4.15pm sabiex fis-6pm, Birżebbuġa St Peter’s jaffaċċjaw lil Attard Edex Kings f’konfront bejn żewġ timijiet tat-tieni diviżjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport