Monday, April 6, 2026

Il-ħolma Maltija

Tikteb Lorna Borg Vassallo

Aqra wkoll

Dwar jekk il-preżenza ta’ miljunarji fl-ekonomija hijiex sintomu tajjeb jew ħażin hawn min jargumenta li dan jiddependi ħafna dwar jekk tali miljunarji humiex qed isiru hekk b’konnessjonijiet politiċi jew le. Dan ifisser li wieħed irid jistaqsi: is-suċċess finanzjarju ta’ persuna jista’ jasal fuq kulħadd frott il-ħidma jew sempliċement sfotz ta’ nepotiżmu u kroniżmu? Naqbel li tali ‘analiżi’ għandha ssir qabel ma wieħed jasal għall-konklużjoni.

Ġeneralment il-preżenza ta’ miljunarji tfisser ukoll ħolqien ta’ impjiegi fil-pajjiż kif ukoll filantropiżmu u investiment kapitali.  Minkejja dan huma kemm-il darba jiġu kkritikati illi joħolqu inugwaljanza ekonomika ikbar filwaqt li s-sistemi ta’ tassazzjoni ma jilħquhomx biżżejjed biex  ġidhom jgħaddi għand klassijiet iktar baxxi fis-soċjetà fosthom bħala għajnuna soċjali. Kritika oħra dwar il-preżenza ta’ miljunarji hija dwar il-konċentrazzjoni kbira ta’ poter li tali individwi jkollhom u li ġieli jinfluwenzaw anke lill-gvern. Oħrajn jista’ jkun li għandhom ċerti profitti li jiġu minn strutturi bħal monopolji li huma kontra l-ħsieb ekonomiku modern jew li għandhom ħafna proprjetajiet li qed joffruhom lill-popolazzjoni tal-pajjiż biss b’kera għolja u b’hekk filwaqt li l-ġid tagħhom dejjem jikber, il-ġid ta’ min jikri ma jasal qatt.

Niftakar żmenijiet fejn f’Malta kienu jissemmew żewġ, tliet miljunarji kważi iktar fil-ħażin milli fit-tajjeb. Dawn il-miljunarji Maltin illum żgur li ma ftaqrux. Iżda donnhom li m’għadhomx jissemmew daqs qabel. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu diversi.  Waħda minn tali raġunijiet tista’ tkun li ħadilhom posthom ħaddieħor. Iżda jista’ jkun ukoll li n-numru ta’ miljunarji rdoppja jew ittrippla u għalhekk billi l-komunità qed tikber l-attenzjoni qed tinfirex fuq iktar minn bniedem wieħed. 

Interessanti li l-kritika mill-kamp politiku donnha qatt ma tieqaf. Anke jekk xi kultant hija wkoll motivata politikament. Huwa fatt illi s-sena l-oħra l-Indiċi tal-Benesseri f’pajjiżna sab illi Malta telgħet għat-12-il post fl-UE fejn għandu x’jaqsam is-sodisfazzjon fil-ħajja. Waħda mir-raġunijiet prinċipali kienet ukoll iż-żieda fl-introjtu (aġġustat skont id-daqs tal-familja) għal €20,430 (94.39% tal-medja Ewropea) wara li fl-2023 id-dħul kien ta‘ €18,940.

U bħalma jidher li kull individwu f’Malta qed idaħħal iktar minn sena għall-oħra minn dawk it-80% u aktar tal-popolazzjoni sidien ta’ darhom, uħud minnhom saru spekulaturi biex b’hekk telgħu skaluna wara l-oħra biex il-miljunarji jkomplu jiżdiedu. Fil-fatt skont ir-riżultati ta’ stħarriġ tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li ġew ippubblikati fit-18 ta’ Marzu 2026, 10% tal-familji Maltin jistgħu jiġu kkunsidrati bħala miljunarji. Bħala ammont 10% huwa kbir.  

Illum għandna miljunarji li xtraw portijiet fi Sqallija li rnexxew (imqabbel ma’ żmenijiet li niftakar jien fejn il-gvern xtara port fl-Italja li ma rnexxiex) u miljunarji oħra Maltin li qed jittantaw jiffinanzjaw timijiet tal-futbol barranin. Filwaqt li xi miljunarji huma  kkritikati ħafna minn xi wħud, oħrajn mhux daqstant.   Dawk li jiġu inqas ikkritikati jissuġġerixxu awtomatikament illi l-‘American Dream’ tista’ tkun issa wkoll ‘il-ħolma Maltija‘.

Il-kunċett ta’ ‘American Dream’ jassumi illi kulħadd jista’ jsir sinjur bix-xogħol, l-għaqal u s-serjetà  anke jekk ġej minn sfond modest u irrelevanti għal x’inhuma l-oriġini tiegħu. 

U filwaqt illi nassiguraw illi l-benesseri u l-ġid f’Malta ma jkunx jiddependi minn rabtiet politiċi iżda minn ħidma serja li tħalli l-frott fis-soċjetà m’għandniex nibżgħu illi l-ħolma Amerikana ssir ukoll ħolma Maltija. Anke għaż-żgħażagħ tagħna llum, huwa importanti li jkunu jafu li jistgħu joħolmu u li l-opportunitajiet jeżistu.  Għax kwalunkwe proġett, kwalunkwe suċċess għandu  jibda dejjem minn xejn ħlief ħolma – f’dal-każ: il-ħolma Maltija.

Lorna Borġ Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport