Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn ċkuniti kont nilgħab il-futbol iżda qatt f’livelli għoljin għalkemm għamilt xi żmien nilgħab mal-Victoria Hotspurs stess fil-bidu tas-snin 80. Peró, il-futbol internazzjonali ili nsegwieh mill-qrib ħafna – specjalment dak Taljan – u minn żmien ilu ħafna kont insiefer biex nara logħbiet internazzjonali. Il-futbol għandu l-maġija li jgħaqqad in-nies. L-emozzjonijiet li tagħtik il-logħba tal-futbol difficli tesperjenzahom x’imkien ieħor. Il-futbol jagħtik il-ferħ u jagħtik l-imrar, eżatt bħall-esperjenzi tal-ħajja. Kull logħba għandha l-istorja tagħha u l-ebda logħba ma hi qatt bħall-oħra – eżatt bħal kif kull ġurnata tal-ħajja tagħna hija differenti mill-oħra. Il-futbol bħall-ħajja. Fl-opinjoni tiegħi min iħobb il-futbol huwa bniedem xxurtjat.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Victoria Hotspurs FC.
Xogħoli huwa li nara li l-klabb tal-Victoria Hotspurs FC qiegħed jiffunzjona tajjeb minn kull aspett l-ewwel mill-aspett amministrattiv fejn inkun irrid illi l-kumitat huwa kompost minn membri serji u validi, it-tieni mill-aspett finanzjarju fejn inkun irrid nara li nonoraw fil-ħin il-kuntratti ta’ kull plejer u tal-istaff tekniku tagħna u t-tielet mill-aspett tekniku, jiġifieri fejn inkun irrid nara li t-tim huwa b’saħħtu biżżejjed biex jikkompeti fid-diviżjoni li nkunu fiha – fil-passat fl-ewwel u t-tieni divizjoni tal-kampjonat t’Għawdex u din is-sena fin-National Amateur League 2. Xogħoli huwa li nara li l-ambjent in ġenerali tal-klabb huwa wieħed pożittiv. Nemmen illi meta jiġi krejat dan l-ambjent armonjuż allura l-partitarji u l-plejers jaghtu l-100% tagħhom. Xogħoli huwa li nżomm l-ambjent ta’ familja magħquda fejn kulħadd jaf x’inhu r-rwol tiegħu u kulħadd iħossu ħolqa minn katina waħda.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Issa li għandna vantaġġ sostanzjali fil-klassifika ninsabu dejjem eqreb li nikkwalifikaw mal-ewwel erba’ timijiet li se jisfidaw lil xulxin sabiex tnejn minna jiġu promossi fin-National Amateur League 1. Naturalment nispera li l-Victoria Hotspurs FC ikunu wieħed miż-żewġ timijiet li jiġu promossi.
X’tikkummenta fuq il-kowċ Oliver Spiteri?
Il-kowċ Oliver Spiteri huwa kowċ organizzat, preparat u metikoluż ferm. Bil-kariżma u l-personalitá tieghu jirnexxielu jikkomunika perfettamenti mal-plejers u għaldaqstant jirnexxielu jittrażmetti l-ideat ta’ futbol li għandu lill-plejers, li min-naħa tagħhom jagħmlu minn kollox biex japplikaw ir-rieda tieghu fil-grawnd. Oliver Spiteri huwa komunikatur eċċellenti.
Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2 u dan kemm hu differenti minn dak tal-Gozo League?
Fl-opinjoni tiegħi, il-livell tal-ewwel divizjoni tal-Gozo League huwa superjuri għal dak tan-NAL 2 – biss, biss tim tal-First f’Għawdex jista’ jilgħab erba’ plejers ta’ nazzjonalitá barranija, waqt illi fin-NAL 2 tista’ tilgħab barrani wieħed biss. Apparti l-aspett tal-barranin, inħoss illi, in ġenerali, il-plejers fil-First f’Għawdex għandhom dik ix-xi ħaġa aktar minn plejer tan-NAL 1 u n-NAL 2 fis-saħħa fiżika, iżda forsi xi ħaġa anqas mill-aspett tekniku u tattiku. Dan mhuxiex tort tal-plejers per se iżda minħabba l-fatt illi ma ngħatawx l-opportunitá li jkunu ttrenjati minn ċkunithom minn kowċis ta’ kalibru professjonali. Evidenza ta’ dan li qieghed ngħid huwa proprju s-sitwazzjoni tat-tim tagħna fejn ħafna plejers Ghawdxin irnexxielhom jgħollu drastikament il-livell tekniku u tattiku tagħhom din is-sena taħt id-diriġenza ta’ kowċ tal-livell ta’ Oliver Spiteri.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Aħna nitħarrġu fil-grawnd tal-Għarb, f’Għawdex, li huwa grawnd ta’ livell tajjeb. Il-grawnds fejn nilagħbu l-logħob kompetittiv f’Malta huma tajbin ukoll iżda aħna nambixxu li għada, pitgħada, nilagħbu fi grawnds aktar attraenti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?
Sakemm il-membri tal-kumitat tal-klabb jibqgħu iriduni president tagħhom allura jiena nirrikambja dik il-fiduċja f’xogħol akbar għall-ġid tal-klabb. Huwa privileġġ kbir tiegħi li nokkupa l-pożizzjoni ta’ president tal-Victoria Hotspurs FC.
Għaddi messaġġ finali lill-partitarji numerużi ta’ Victoria Hotspurs FC.
Naħseb illi l-partitarji tal-Victoria Hotspurs F.C. qegħdin jgħixu ħolma bħalissa. Naħseb illi s-saħħa tat-tim illi għandna bħalissa qiegħed jagħti pjaċir kbir lill-partitarji tagħna. Nirringrazzja lit-Team Manager tagħna Marvin Buttigieg li fassal dan it-tim daqstant qawwi matul is-sajf li għadda. Lill-partitarji tagħna nappellalhom biex jibqgħu isegwuna bil-ħeġġa kollha – fil-bnazzi u fil-maltemp – u ma jiddispjaċihomx żgur! Il-ħolma tagħna bħala Victoria Hotspurs FC tkompli!