Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kelli erba’ snin, missieri kien jeħodni miegħu il-grawnd tal-Melita u minn hemm bdejt nittħarreġ mas-subien tal-Melita. Fis-sena 2018, tal-etá ta’ disa’ snin ingħaqadt ma’ Swieqi F.C. peressli huma kellhom tim tat-tfajliet, peró komplejt nitħarreġ mas-subien. Li tifla tibqa’ mas-subien huwa importanti għax hemm tgħallimt xi jfisser saħħa u ġiri. Il-ġenituri tiegħi raw li kelli talent u bejn is-sena 2019 u 2022 kienu jibgħatuni kull sajf barra minn Malta għal training camps. Esperjenzi mill-isbaħ ma Manchester City F.C., Chelsea F.C. u Barcelona F.C.
Hemmhekk tara ambjent u realtá differenti. F’dawk is-snin l-imħabba tiegħi lejn il-futbol kibret u irrealizzajt li d-dinja tal-futbol kienet dak li ridt meta nikber. Il-fortuna trid tidħaklek ukoll, u waqt li kont qiegħda l-Italja għal taħriġ personali ma’ kowċ individwali għal sitt ġimgħat fl-2022, il-U.C. Sampdoria urew ix-xewqa li jarawni. Minn hemm inbidlet ħajti u tal-familja tiegħi, u f’Lulju ta 2023 ingħaqadt mas-Sampdoria, fejn bdejt ma t-tim ta’ taħt il-15-il sena u llum nifforma parti integrali mit-tim prinċipali tan-nisa.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Sampdoria Women fejn qed ikollok staġun mill-aqwa.
Minħabba problemi finanzjari, din is-sena t-tim tan-nisa reġa’ beda mill-qiegħ nett. Mis-Serie A erġajna bdejna fil-Kampjonat tal-Eccellenza. Din is-sena hi sena importanti ħafna peress li apparti l-kbar, nifforma parti mit-tim ta’ taħt is-17-il sena. Għandna tim b’saħħtu ħafna li jista’ jasal ferm ‘il quddiem. Li titħarreġ ma’ plejers li sas-sena l-oħra kienu fis-Serie A meta għad għandi 16-il sena, u saħansitra qed nilgħab regolarment mat-tim tal-kbar hija xi ħaġa li lanqas nista’ nemmen. Dan lili jagħtini aktar motivazzjoni biex naħdem aktar u nitgħallem.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
It-tim tal-kbar bdejna ferm tajjeb, fejn wasalna sal finali tal-Coppa Italia, bil-finali issa tintlagħab fit-8 ta’ Marzu kontra Vado. Jekk nirbħu din il-finali mmorru nilagħbu l-fażi finali nazzjonali, bir-rebbieħ jiġi promoss awtomatikament għas- Serie C is-sena d-dieħla. Fil-kampjonat, qegħdin l-ewwel wara seba’ logħbiet fejn skorjajna 71 gowl u ma qlajna l-ebda gowl. Il-kampjonat ta’ taħt is-17-il sena jibda l-fażi nazzjonali lejn nofs Frar, peró nemmnu li nistgħu naslu mal-aħħar tmienja fl-Italja bit-tim li għandna.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragwardi tagħna huma tlieta. Li niġu promossi għas-Serie C u li nirbħu l-Coppa Italia mat-tim tal-kbar. Li naslu mal-aħħar tmienja fl-U17 mhuwiex faċli, peró nemmnu li naslu.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti.
It-tim nazzjonali għalija huwa ferm importanti. Li nirrapreżenta lil pajjiżi huwa ta’ unur kbir għalija. Kull logħba man-Nazzjonal hija esperjenza differenti, li tgħallmek u tagħtik l-enerġija biex tkompli titħarreġ u titjieb. Il-livell barra minn Malta huwa għoli ħafna, u jekk irridu nirnexxu rridu naħdmu ħafna. Il-ħolma tiegħi hi li fi żmien mhux ‘il bogħod nagħmel id-debutt tiegħi mat-tim nazzjonali tal-kbar. Nemmen li nista’ nasal!
Kemm hu differenti l-livell tal-futbol tan-nisa fl-Italja minn dak f’Malta?
Il-livell tal futbol tan-nisa fl-Italja mhuwiex fost l-iktar għoljin fid-dinja, peró huwa ferm iktar kompettitiv minn Malta. Meta tilgħab kontra timijiet bħal Juventus, AC Milan, Inter u Roma, qed tilgħab kontra klabbs li jinvestu ħafna fis-settur tan-nisa u l-livell huwa tajjeb ħafna. Aħna s-Sampdoria Women m’aħniex ‘il boghod mil-livell ta’ dawn it-timijiet. Id-differenza tiġi fit-tim tal kbar, fejn jekk ma jkunx hemm investiment, tbati.
Jiena nemmen li l-akbar differenzi huma tnejn. L-ewwel ħaġa huwa il-livell ta’coaching u t-tieni huwa l-livell ugwali bejn il-plejers li jiffurmaw parti mill-iskwadra. Meta jkollok set-up ta’ kowċis u staff tekniku bħalma jkollok man-nazzjonal mal-klabb, u mbagħad ikollok plejers tal-istess livell jitħarrgu, it-taħriġ ikun intensiv u ta’ kwalitá għolja. Bla ma trid ikollok dejjem tkun fl-aħjar tiegħek biex iżżomm postok għax il-kompetizzjoni hija kbira. Wara dan, imbgħad tilgħab logħob ta’ livell għoli li bla ma trid tgħolli l-livell tiegħek personali.
U dak tar-rizorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompettitiv tagħkom?
Fuq dan is-suġġett, sfortunatament, id-daqs ta’ Malta tillimitana. Il-klabbs fl’Italja kważi kollha għandom il-grawnd tagħhom fejn titħarreġ u anke tilgħab il-logħob home. Mhux kull tim għandu l-istess riżorsi. Ma tistax tqabbel lis-Sampdoria mal-Juventus jew mal-Fiorentina, fejn l-investiment fl-infrastruttura kienet qawwija ħafna. Apparti grawnds, ma tistax tinsa r-riżorsi umani li kull tim ġewwa l-Italja għandu. Minn tobba, għal fiżjo-terapisti, match analysis personnel, assistant coaches u team managers.
Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fil-futbol?
Bħal kullħadd għandi ħolma. Ġa ilni tliet snin l-Italja u l-pjan huwa li nibqa’ mas-Sampdoria, imqar sena oħra biex nkun spiċċajt l-istudji ukoll. Il-ħolma tiegħi hija li fi ftit snin inkun nifforma parti minn tim fis-Serie A. Nemmen li fi tlett snin, is-Sampdoria Women tista terġa tkun fis-Serie A u il-ħolma tiegħi tibqa li nkun parti minn dan it-tim. Naf li rrid naħdem ħafna u qiegħda hawn eżattament biex nagħmel dan. Ovvjament ma tonqos qatt il-ħolma li nkompli nilgħab mat-tim nazzjonali ta’ Malta u xi darba nilbes il-flokk aħmar mal-kbar.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u tfjaliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
M’hawnx isbaħ fil-ħajja milli tagħmel dak li tħobb kemm bħala studju, xogħol kif ukoll bħala sport. Tħallu l-ħadt iwaqqafkom milli tilgħabu l-futbol jekk vera tixtiequ. Ħadt ma jkun tajjeb meta jibda iżda stinkaw, ibqgħu webbsu raskom li se taslu u taqtawx qalbkom. Lill-ġenituri ngħidilhom biex iħeġġu lill uliedhom, u jinkorraġuhom. Ħalluhom ħa jitgħallmu, ħalluhom ħa jiżbaljaw, il-kowċs qegħdin hemm biex jgħallmuhom u għad jaslu!

