Thursday, February 13, 2025

Il-ħolma tiegħi hija li ngħin lil Fgura U. FC jilagħbu fl-ogħla livell tal-futbol Malti – Kevin Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Tista’ tgħid li minn meta kont żghir ħajti dejjem imdawra mal-futbol. Ma nistax naħseb fuq ħajti mingħajr futbol. Issa li sirt kowċ, ħajti hija kollha mdawra mal-futbol.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ta’ Fgura United FC.

Ir-rwol tiegħi huwa li mmexxi lit-tim tal-kbar u nagħti l-ħsibijiet tiegħi lill-istaff tekniku tal-iskwadra tal-minors. Din is-sena il-kumitat xtaq li t-timijiet tal-kbar u tal-minors naħdmu fuq l-istess ideat u l-istess prinċipji. Il- filosofija tal-klabb tagħna hija li ngħinu lill-plejers żgħażagħ jiżviluppaw it-talenti tagħhom u nressquhom iktar lejn it-tim tal-kbar li jimmilita fil-BOV Challenge League.

Ir-rwol ta’ kowċ tat-tim tal-kbar huwa dak li tfassal u tippjana l-programm kull ġimgħa ta’ taħriġ u preparamenti għal-logħba li jkun imiss. Illum miegħi jien għandi sitt membri fl-istaff tekniku u inti trid tfassal kif kulħadd jaħdem flimkien biex il-prodott finali jkun ta’ suċċess. 

X’tikkummenta fuq il-kumitat ta’ Fgura United FC immexxi mill-president, Larkin Bonnici?

Il-president Larkin Bonnici huwa persuna intelliġenti ħafna u bniedem umli li miegħu taf fejn qiegħed il-ħin kollu. Dan il-persuna huwa ambizzjuż ħafna u bniedem strateġiku li rnexxielu jtella’ l-livell tal-klabb tagħna ‘il fuq ħafna. Meta tqis li huwa għadu ferm żgħir fl-etá, huwa inkredibbli kif irnexxielu jmexxi lill-klabb taghna b’ tant suċċess mhux fil-futbol biss imma anke l-ġid kbir li l-klabb tagħna jagħmel fil-komunitá. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Dan l-istaġun għal kontra tal-aħħar żewġ staġuni bdejnieh fuq nota ħażina. Kellna bidu difficli għall-fatt li l- plejers barranin li ġibna ma laħqux il-livell li xtaqna. Il-kumitat flimkien mal=istaff tekniku għamilna t-tibdiliet meħtieġa f’Diċembru u Jannar fejn indirizzajna n-nuqqasijiet li kellna u dan jidher li kien suċċess għax f’Jannar bdew gejjin ir-riżultati. Mertu kbir tal-plejers li fi żminijiet difficli ngħaqdu iktar flimkien u flimkien irnexxielna ndawru r-rotta. Fatturi importanti li permezz tagħhom irnexxielna nagħmlu dan huma l-fiduċja tal-kumitat fl- istaff tekniku meta t-tim kien sejjer ħażin u tal-partitarji tagħna li flok abbandunaw lit-tim, iktar tawna sapport li għalina kien strumentali. Minn hawn nixtieq nirringrazzja bis-sħiħ lis-Supporters Club ta’ kemm lilna jagħtuna saħħa biex inkomplu ngħollu l-livell tal-klabb tagħna.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna huma tnejn. L-ewwel li nsalvaw kemm jista’ jkun kmieni u li jkollna prestazzjonijiet tajbin fiċ-Challenge Cup. It tieni nkomplu nibnu tim aktar b’saħħtu biex l-istaġun li ġej inkunu iktar kompetittivi minn dan l-istaġun u nippruvaw nitilgħu fl-ogħla livell tal-futbol Malti li onestament nemmen li dan il-klabb jixraqlu.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-futbol Malti fil-preżent huwa għoli ħafna fl-opinjoni tiegħi. B’influs ta’ barranin, kemm ta’ plejers kif ukoll ta’ kowċis, il-livell għola ħafna. Illum kull tim huwa mmexxi minn staff tekniku ta’ livell, u kull tim iġib plejers barranin tajbin li meta żżidhom ma’ plejers Maltin li llum iridu jkunu għall-altezza minħabba l- kompetizzjoni li joffrulhom il-plejers barranin, dan bilfors jgħolli l-livell tal-futbol Malti. Id-diferenza li jiena nara illum hija li t-timijiet huma iktar organizatti mill-aspett tattiku, u dan jagħmel il-logħba iktar interessanti.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Jien inħossni fortunat għax il-klabb tagħna huwa attrezzat b’faċilitajiet ferm sbieħ u adekwati. Għandna pitch ġdid u premises verament sbieħ li aħna nistgħu naħdmu kif nixtiequ. Il-pitches fejn jintlagħab il-BOV Challenge League huma tajbin speċjalment issa li l-Victor Tedesco Stadium għandu art ġdida, u dan ikompli jgħolli l-livell tal-logħba.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien ninsab vera kuntent mal-klabb tal-Fgura. Meta ssib nies li jemmnu fik u jirrispettawk anke meta l-affarijiet ma jmorrux tajjeb jiena nħossni kowċ fortunat. Bħalissa għaddejjin id-diskuzjonijiet mal-kumitat rigward kuntratt ġdid mal-klabb tal-Fgura. Jien il-ħolma tiegħi hija dik li ngħin lil dan il-klabb jilgħab fl-ogħla livell tal- futbol Malti. Meta jien ġejt avviċinat minn dan il-klabb lura fl-2017 biex nieħu t-tmexxija tat-tim, il-pjan tagħna kien li nitilgħu fil-BOV Challenge League u nistabilixxu lill-klabb f’din id-diviżjoni. Issa li din is-sena hija s-sitt sena li qed nimmilitaw f’dan il-kampjonat, wasal iż-żmien li l-klabb tagħna jibda jipprepara ruħu biex nagħmlu l-qabża li jmiss li ntellgħu lil dan il-klabb fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Jien fiduċjuż ħafna li se jirnexxielna nagħmlu dan, għax dan il-klabb huwa mmexxi minn nies li jixirqilhom ikunu fl-għola diviżjoni tal-futbol Malti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Lill-plejers li jridu jkollhom suċċess fil-karriera tagħhom tal-futbol, ngħidilhom li jridu jagħmlu ħafna sagrifiċċji u jkunu dixxiplinati ħafna. Lil dawk li jixtiequ jkollhom karriera ta’ kowċ ngħidilhom li jridu jkunu dedikati ħafna u jkunu dejjem preparati għax ix-xogħol ta’ kowċ huwa wieħed diffiċli. Jien it-twemmin tiegħi huwa li jekk vera tixtieq tasal ‘il quddiem fil-ħajja tasal imma trid tkun determinat u tkun lest biex taħdem ħafna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport