Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Ġejt espost għal dan l-isport minn etá żgħira ħafna. Kont dejjem midħla ta’ Marsalforn u l- klabb tal-Otters fejn għandi mħabba u memorji kbar. Grazzi għal missieri u zijuwi kienet faċli ħafna għalija biex nidħol fl-isport tal-waterpolo u qatt ma ħarist lura! Kienet xi ħaġa awtomatika li nilgħab il-waterpolo għax kont nara lil zijuwi jilgħab u lil missieri involut fil-klabb. Barra minn hekk kont fortunat ukoll li sħabi tal-qalba kienu jilagħbu l-waterpolo ukoll, allura kienet faċli għalija li nkompli ninvolvi ruħi f’dan l-isport.
Il-waterpolo bdejt nilgħabu meta kelli sitt snin u komplejt nilgħab sa meta kelli 31 sena. Bdejt nilgħab mal-kbar meta kelli 14-il sena. Sfortunatament dak iż-żmien ma kellniex pixxini Għawdex allura kont nilgħab il-futbol fix-xitwa u l-waterpolo fis-sajf. Ma kinitx faċli tmur tilgħab kontra timijiet oħra għas-sempliċi raġuni li huma kienu jittrenjaw disa’ xhur fis-sena allura ‘fitness wise’ dejjem kienu jkunu aħjar minna.
L-aħħar tliet snin tiegħi nilgħab il-waterpolo kienu diffiċli wkoll għaliex jiena flimkien mal-plejers l-Għawdxin l-oħra konna qed ninżlu kuljum Malta biex nittrenjaw. Kienet sfida kbira ghalina. Peró, bħalma dejjem ngħid, dan il-klabb jagħmel il-mirakli. Insellem lill-eks plejers sħabi u atleti oħra Għawdxin tar-reżiljenza kbira li għandhom u ninżalhom il-kappell għaliex mhix faċli taqsam kuljum lejn Malta biex tipprattika l-isport wara ġurnata skola jew xogħol.
Illum il-ġurnata ninsab parti mit-tim tal-kbar bħala Team Manager flimkien mal-kowċ bravu Mijat Mijatovic u wkoll Kowċ tal-Under 12s.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Team Manager ta’ Otters ASC.
Din hija l-ewwel sena tiegħi bħala team manager. Ninsab onorat b’din l-esperjenza għaliex qiegħed nitgħallem ħafna grazzi għall-Kowċ. Mhix pożizzjoni faċli għax tiltaqa’ ma’ kollox. Trid tikkuntenta lil kulħadd kif ukoll tkun strett ma’ kulħadd. Illum il-gurnata l-isport inbidel ħafna. Il-livell dejjem qed jogħla minn perspettiva soċjali, teknika kif ukoll finanzjarja. Dawn huma tliet pilari importanti li mingħajrhom skwadra ta’ kull sport ma timxix. B’hekk qed nagħmlu minn kollox biex nipproduċu kemm jista’ jkun plejers lokali Għawdxin ibbażati fuq dawn il-pilari. L-għan tagħna bħala klabb huwa li nagħtu opportunitajiet lill-atleti Għawdxin f’dan l-isport. Nemmnu ħafna li bil-plejers lokali kapaċi naslu.
X’tikkumenta fuq l-andament u l-wirjiet ta’ Otters ASC matul dan il-Kampjonat tas-Sajf?
Personalment, minn dejjem kien hemm l-idea li għandna tim talentuż. Irnexxielna nakkwistaw numru ta’ plejers ta talent mingħand timijiet kbar tal-Premier u flimkien mal- plejers ewlenin tal-klabb u mal-barrani tagħna Drasko Gogov li huwa plejer eċċellenti, illum il-ġurnata ma niddejjaqx ngħid li t-tim huwa wieħed b’saħħtu. Drasko Gogov barra li huwa plejer eċċellenti għandu karattru ta’ plejer professjonali tal-ogħla livell. Lest biex jgħin kull sekonda. B’din it-taħlita ta’ plejers flimkien mal-kowċ li issa ilu sentejn magħna, ħassejna li l-klabb kien lest li jitla’ tarġa oħra.
Bħala tim sejrin tajjeb ħafna, peró nistgu inkunu aħjar? Dejjem. Grazzi għax-xogħol siwi tal- kowċ, ilħaqna objettivi realistiċi.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Tajjeb ħafna, peró persważ li baqa’ x’jintlaħaq. Dan kollu ġara għaliex il-klabbs f’Malta investew f’kowċis barranin ta’ livell għoli. Mingħajr dan l-investiment il-waterpolo Malti ma kienx jasal fejn wasal. X’ħin thares lejha minn perspettiva ta’ kowċ, inti dejjem qed takkumula informazzjoni u ideat ta’ livell minn bnadi differenti. Ħafna kowċis barranin qed iġibu l- filosofija Taljana, Serba, Kroata, Ungeriża eċċ ġewwa pajjiżna. Dawn il-pajjiżi huma grandjużi fl-isport tal-waterpolo u għalhekk tajjeb li nsemmu li grazzi għal dawn il-filosofiji u l-istil tal-logħba, aħna bħala nazzjon iggwadanjajnja bis-sħiħ minn dan l-investiment.
Tajjeb li nsemmu li hawn numru sostanzjali ta’ plejers Maltin li fix-xitwa qed jilagħbu ġo pajjiżi oħra. Dan huwa l-frott tax-xogħol li qed isir mill-klabbs flimkien mal ASA eventwalment. Qabel konna ngħidu ħa nakkwistaw plejer barrani għax huwa ta’ livell ogħla mill-Malti u l-Għawdxi, illum nistgħu ngħidu li klabbs barranin qed jakkwistaw plejers lokali Maltin biex ikunu l-barranin tagħhom fil-kampjonat. Din hija ħaġa li aħna l-Maltin u Għawdxin għandna nkunu kburin biha.
U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali taghkom?
L-investiment fil-pixxina kien importantissimu għall-gżira Għawdxija. Mhux għax gwadanjajna aħna bħala klabb imma għax infetħu niċeċ oħra ta’ sports f’Għawdex li ħa jgħinu lit-tfal Għawdxin kif ukoll individwi li jixtiequ jħaddnu l-isport tal-għawm jew ukoll għal raġunijiet mediċi.
Mhux talli hekk biss peró din il-faċilitá ħa tiftaħ opportunitajiet għan-niċċa tat-turiżmu sportiv. Ħa tkun faċli ħafna biex nattiraw timijet barranin biex jiġu jagħmlu training camps f’Għawdex kif ukoll kompetizzjonijiet ta’ livell għoli tal-waterpolo u anke tal-għawm.
Finalment il-ħolma tiegħi kif ukoll tal-klabb hi li l-home games tat-tim tal-kbar ta’ Otters ASC jibdew jintlagħbu f’Għawdex. Nixtiquha ssir realtá peró mhix faċli. Nemmen li jekk din il-ħolma ssir realtá, ħa jirnexxilna nqajmu interess kbir fl-isport tal-waterpolo f’Għawdex. Iktar udjenzi jiġu jarawna nilagħbu u wkoll iktar nies jibdew jinvolvu ruħhom f’dan l-isport. Ħafna jaħsbu li aħna rridu nattiraw it-tfal biss. Ovvjament irridu nattiraw it-tfal peró importantissimu li nattiraw Għawdxin u anke Maltin li lesti jgħinu lil dan il-klabb fl-isfera tat-tmexxija tal-klabb.
Tħoss li hawn biżżejjed kuxjenza rigward il-waterpolo f’Malta u Għawdex?
Sfortunatement le, peró ninża l-kappell lill-ASA għaliex qed jagħmlu minn kollox biex ikabbru l-isport tal-Waterpolo f’Malta. Il-kompetitur ewlieni tal-waterpolo huwa l-futbol. Il-futbol dejjem ħa jibqa’ l-futbol. Kulħadd isegwih u fl-opinjoni tiegħi huwa wieħed mill-isbaħ sports li hawn fid-dinja filwaqt li jiġġenera ħafna flus. Peró, jekk aħna l-klabbs inkomplu ninvestu bis-sens u b’mod sostenibbli nemmen li kapaċi nattiraw iktar tfal lejn l-isport kif ukoll udjenzi kbar ġewwa l-Pixxina Nazzjonali. L-ASA diġá għamlet biċċa xogħol kbira bil-Final Four (Champions League) li qed issir kull sena f’Malta.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-waterpolo?
Sakemm għandi enerġija u motivazzjoni, ħa nkompli ngħin lil dan il-klabb. L-għan personali tiegħi hu li dan il-club jilħaq l-ogħla livell possibli peró kif jgħidu bl-Ingliż ‘it’s easier said than done’! Aħna bħala klabb irridu nikbru. Ma rridux nieqfu hawn. Ħa nsibu ħafna ostakli quddiemna peró grazzi għall-karattru tal-klabb, dejjem affaċċjajnihom u għelibnihom b’pass realistiku. Għaddejna minn żminijiet diffiċli u affaċjajnihom. Nemmen li jekk inkomplu mexjin b’dan ir-ritmu kapaċi naslu peró rridu nżommu saqajna mal-art. Il-frott jasal, peró jasal bix-xogħol u s-sagrifiċċji.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Il-waterpolo mhuwiex sport faċli u jinvolvi ħafna sagrifiċċji, peró huwa sport li jgħinek timmatura bħala persuna. Rajt ħafna tfal jaqtgħu qalbom u jieqfu għax forsi l-waterpolo huwa sport diffiċli jew għax trid tiddedika ħafna ħin għalih. Peró, li nista ngħid hu li llum il-ġurnata meta nħares lura inħossni grat ħafna mhux għax lgħabt il-waterpolo biss imma għax iltqajt ma’ ħafna ħbieb, affaċċjajt deċiżjonijiet li għenuni bis-sħiħ nibni karattru, u tgħallimt li biex nakkwista xi ħaġa trid tkun determinat u ddixxiplinat!