Wednesday, December 25, 2024

Il-hoodies minflok l-uniformi

Aqra wkoll

Hija tassew ħasra li filgħodu tara ħafna studenti li jkunu fi triqthom lejn l-iskola lebsin dak li għalihom hija “uniformi”. Għadd ta’ studenti fl-iskejjel medji, magħrufa bħala tas-Sekondarja, biddlu kompletament il-kunċett ta’ x’inhija uniformi b’taħlita ta’ modi differenti li jibdluhom minn żmien għal żmien. Fosthom hemm il-fenomenu tal-hoodies.

Il-hoodies, flokkijiet b’beritta wara, qegħdin jintlibsu minn għadd ta’ studenti minkejja li din il-prattika tmur kontra r-regoli tal-istess skejjel li jattendu. L-iskuża hija li jilbsuhom taħt il-ġaggetta tal-uniformi, li hija jogging suit, iżda fil-verità kif ikunu qegħdin jistennew it-trasport għall-iskola, ħafna minnhom ineħħu l-ġaggetta tal-uniformi. Dawn erħilhom jesebixxu lilhom infushom bi flokkijiet b’disinji u kuluri differenti tant li assolutament ma tagħrafhomx li huma studenti fi triqthom lejn l-iskola.

Fl-iskejjel tagħna, kif ukoll barra minn Malta, l-uniformijiet ilhom jintużaw għal snin sħaħ. Din hija prattika b’raġunijiet validi għax toffri uniformità fl-ilbies tat-tfal fl-istituzzjonijiet edukattivi u hija wkoll forma ta’ dixxiplina li tipprepara lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar għad-dinja tax-xogħol. 

L-amministrazzjonijiet fl-iskejjel minn żmien għal żmien ifakkru lill-ġenituri li wliedhom għandhom jilbsu l-uniformi tal-Kulleġġ u kif suppost. Fir-realtà l-kontroll kemm mit-tmexxija tal-istess skejjel, kif ukoll mill-ġenituri, huwa limitat għax dawn l-adoloxxenti huma f’età li jesperimentaw u ħafna minnhom jagħmlu ta’ rashom. Dawn, jekk ma jirnexxielhomx jgħaddu mill-bieb se jaraw kif isibu mezz ħalli jgħaddu mit-tieqa.

Sfortuntament jidher li dawn l-istudenti mhumiex japprezzaw il-fatt li sa ftit tas-snin ilu l-uniformijiet tal-iskejjel ma kienux komdi u sħan kif inhuma fil-ġurnata tal-lum. Il-Gvern fehem u laqa’ t-talba tal-maġġoranza biex l-uniformijiet tal-istudenti fil-ħinijiet pjuttost twal tal-iskola, jinbidlu f’jogging suits. Din ħadet post dik klassika bil-qmis, l-ingravata u l-blazer. Nifhmu li l-uniformi klassika kienet inqas skomda u li ż-żminijiet jinbidlu. Għaldaqstant, tibdiliet għall-bżonn li jkunu konformi ma’ ideat progressivi huma tajbin dejjem.

Iżda, minkejja li saret din il-bidla, għadd ta’ adoloxxenti xorta waħda qegħdin jaraw kif jibdlu din l-jogging suit. Tajjeb li niġbdu l-attenzjoni wkoll li l-problema mhiex biss b’dawn il-hoodies, iżda anke l-użu ta’ make-up, kif ukoll brieret u żraben ta’ kull tip u kulur fuq l-istudenti. Qegħdin naraw bniet minn 12-il sena ‘l fuq li ta’ kuljum jagħmlu l-make up. Is-subien min-naħa l-oħra ħallihom ħa jiddelettaw b’kull tip ta’ beritta u żraben tad-ditta, żraben li huma ferm differenti mill-bojod puliti li suppost jilbsu. 

Dan, barra li jistona għall-aħħar u huwa ferm ‘il bogħod minn dik li hija suppost id-dehra ta’ studenti għall-iskola, qiegħed iwassal għal peer pressure fost it-tfal. Għadd hemm studenti li jippruvaw jimxu mar-regoli u jilbsu l-uniformi kif suppost iżda dawn, aktar iva milli le, jispiċċaw mira ta’ redikolaġni u bbuljar minn sħabhom għax sempliċiment ma jimxux mal-kurrent.

L-iskola għal dawn l-istudenti saret spettaklu tal-moda fejn minflok jikkonċentraw biex jitgħallmu u jistudjaw, aktar moħħhom biex jidhru “sbieħ”. Filwaqt li nifhmu li fl-età tal-adoloxxenza t-tfal jgħaddu minn ħafna fażijiet, kulħadd xi darba kien student u l-uniformijiet dejjem kienu jintlibsu kif suppost. Aħna nemmnu li hekk għandu jibqa’ jsir.

Min-naħa tagħna nittamaw li l-amministrazzjonijiet tal-iskejjel jippruvaw jieħdu aktar passi konkreti minn sempliċi email lill-ġenituri. Dan għax kulħadd jaf ikun liebes mod meta joħroġ mid-dar u mbagħad ibiddel. Fl-iskejjel irid ikun hemm aktar dixxiplina. Dan m’huwa xejn ġdid għall-ġenerazzjonijiet ta’ qabel fejn kien ikollok surmast li jiċċekkja student student u jekk ma jkunux lebsin l-uniformi kif suppost, jittieħdu passi. 

Fil-każ tal-hoodies, wieħed jista’ jordna li din titneħħa u tingħata lura biss fi tmiem il-ħin tal-iskola jew lill-ġenituri. L-istess jista’ jsir fil-każ ta’ brieret, mentri rigward żraben mhux adattati, hemm bżonn li jsir kuntatt mal-ġenituri. Il-make up faċilment jitneħħa bil-ħasil tal-wiċċ. L-istudenti jistgħu jiġu mwissija u repetizzjoni ta’ inkonformità għandha jkollha limitu b’lok ta’ passi dixxiplinarji ulterjuri.

Irridu noqogħdu attenti li ntellgħu ġenerazzjonijiet li jirrispettaw ir-regoli, li kapaċi jifhmu u li lesti biex bi ftit dixxiplina jmorru fid-dinja tax-xogħol. Dinja li tirrikjedi ħafna aktar minn sempliċi lbies ta’ uniformi. Nistennew li dawn l-adoloxxenti se jopponu xi ftit iżda rridu nkunu aħna – l-adulti u l-edukaturi – li b’paċenzja, iżda b’perseveranza, niggwidawhom bl-aħjar mod possibbli. Nibdew billi nassiguraw li l-uniformi tibqa’ uniformi.

Ekonomija

Sport