Monday, November 17, 2025

Il-ĦRUĠ TA’ BONDS TAL-BOV JILĦAQ IL-€100 MILJUN WARA REAZZJONI B’SAĦĦITHA MILL-INVESTITURI

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ħabbar li laħaq l-ewwel €100 miljun tas-serje u tranche inizjali tal-Bonds Subordinati Mhux Garantiti ta’ 5% taħt il-programm ta’ €325 miljun Unsecured Euro Medium Term Bond li jimmatura bejn l-2030 u l-2035.

Minħabba d-domanda mill-investituri, il-ħruġ tal-bonds se jibqa’ miftuħ sal-25 ta’ Novembru taħt l-Għażla ta’ Allokazzjoni Żejda tal-Bank of Valletta, li tippermetti l-ġestjoni tal-laqgħat mal-investituri li bħalissa qed isiru mal-Bank u ma’ rappreżentanti ta’ intermedjarji terzi. Dan huwa wkoll konformi mal-impenn tal-Bank li jkompli jappoġġja l-ekonomija lokali kif ukoll jipprovdi valur fit-tul lill-azzjonisti u lill-investituri, filwaqt li jagħti lill-pubbliku l-ħin meħtieġ biex jipparteċipa f’din l-opportunità.

Ir-rispons qawwi għall-bond huwa xhieda tar-reputazzjoni soda, il-prestazzjoni u l-fiduċja fis-suq tal-Bank, u jsegwi l-ħruġ ta’ €150 miljun f’bonds subordinati mhux assigurati li sar aktar kmieni din is-sena, li ngħalaq wara ftit jiem minħabba r-rispons qawwi mill-investituri.

L-għan tal-programm hu li jippermetti lill-Bank jikkonsolida l-pożizzjoni kapitali tiegħu, prinċipalment biex jappoġġja t-tkabbir tal-bilanċ previst skont l-istrateġija tiegħu għall-2024-2026. Dan jimmira wkoll lejn titjib fl-effiċjenza kapitali u jiżgura konformità mar-rekwiżiti regolatorji li qed jevolvu taħt CRR III, inkluż assi mwieżna ta’ riskju ogħla għal self speċifiku.

Minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-bonds huma kklassifikati bħala strumenti kumplessi, u jista’ jkun diffiċli biex wieħed jifhimhom. Għaldaqstant, jistgħu jirriżultaw mhux adattati għat-tipi kollha ta’ investituri individwali. L-investituri potenzjali huma avżati li test tal-adegwatezza huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li jkunu fehmu sew u li jkun hemm adattament xieraq għall-portafoll ta’ investiment tagħhom. Il-pubblikazzjoni tal-prospett bażi u t-termini finali, kif ukoll informazzjoni addizzjonali huma disponibbli fuq https://www.bov.com/bond-prospectus. L-approvazzjoni tal-prospett m’għandhiex tinftiehem bħala rakkomandazzjoni tal-Bonds offruti jew ammessi għan-negozjar f’suq regolat.

Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata b’numru tar-reġistrazzjoni C 2833 u li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130, Malta. L-approvazzjoni tal-Prospett Bażi mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta jenħtieġ li ma tinftiehemx bħala approvazzjoni tal-Bonds offruti u ammessi għan-negozjar fuq il-lista Uffiċjali tal-MSE. Il-valur tal-investiment jista’ jinżel kif ukoll jitla’ u l-prestazzjoni tal-passat mhijiex neċessarjament indikattiva tal-prestazzjoni futura. Jekk tinvesti fil-Bonds, tista’ titlef xi flus jew il-flus kollha li tinvesti. 

Investituri potenzjali għandhom jaqraw id-dokumenti tal-Prospett Bażi u tat-Termini Finali qabel ma jieħdu deċiżjoni ta’ investiment biex jifhmu bis-sħiħ ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali assoċjati mad-deċiżjoni li jinvestu fil-Bonds. L-intermedjarji finanzjarji awtorizzati jistgħu jiddistribwixxu biss il-bonds lill-klijenti ‘retail’ soġġetti għal test tal-adegwatezza li għandu jitwettaq fir-rigward ta’ tali applikanti, irrispettivament mis-servizz ta’ investiment li jkun qed jiġi pprovdut. Intermedjarju finanzjarju awtorizzat ma għandux jaċċetta applikazzjoni minn klijent ‘retail’ sakemm ma jkunx sodisfatt, abbażi tar-riżultati ta’ tali test ta’ adegwatezza, li investiment fil-bonds ikun xieraq għall-applikant. 

Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta) u s-servizzi ta’ investiment f’termini tal-Att dwar Servizzi ta’ Investiment (Kap. 370 tal-Liġijiet ta’ Malta).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport