Il-festi fil-lokalitaijiet huma parti sostanzjali mill-kultura Maltija. Mhux biss għax ikunu mistennija mir-residenza tal-ibliet u l-irħula imma wkoll mistennija mit-turisti li nzertaw f’Malta f’dawn iż-żminijiet. La dħalna sew fl-istaġun tal-festi ma jonqosx li jitqanqlu bosta kontroversji. Fosthom l-aktar bil-ħruq tan-nar tal-art u tal-arju li mhux dejjem jogħġbu lil kulħadd.
Bla dubju aħna nissimpatizzaw ma’ dawk kollha li jħossuhom imdejqin bil-ħsejjes qawwija speċjalment tal-murtali. L-aktar dawk li jkunu morda fi djarhom jew li jkollhom bżonn mistrieħ fil-kwiet. Mill-banda l-oħra iżda, festi mingħajr logħob jitilfu ħafna mill-karatteristika tagħhom. Id-dilettanti tal-festi jkunu ilhom jippreparaw għal dak il-jum tant mistenni li jiġi biss darba fis-sena, anke periklu għal ħajjithom waqt li jkunu jaħdmu għan-nar.
Allura hawn wieħed irid isib kompromess jew bilanċ bejn id-delizzji, il-kultura u xi kultant id-dwejjaq tan-nies. Bilanċ li diffiċli jew mhux impossibbli li jintlaħaq. Imma tajjeb li wieħed jagħti kas il-prudenza.
Festa biex tiġi ċċelebrata ma hemmx għalfejn jintużaw murtali qawwija li jdamdmu l-lok meta jiġu maħruqa. Lanqas huwa pjaċevoli illi murtali bħal dawn jiġu maħruqa matul il-jum kollu saħansitra minn filgħodu kmieni u jibqgħu sejrin sa tard filgħaxija.
Nemmnu iżda li kif diġà għedna li festi mingħajr logħob tan-nar qishom fihom xi ħaġa nieqsa. Għalhekk huwa tajjeb li filwaqt id-dilettanti mhux biss jieħdu gost bil-festa imma jkunu kuntenti bix-xogħol li jkunu għamlu matul is-sena, b’danakollu jrid ukoll ir-rispett lejn min ma tantx jogħġbu l-ħsejjes tal-murtali.
Din tinħtieġ diskussjoni wiesgħa biex isir magħruf jekk hux possibbli li filwaqt li jiġu maħruqa murtali ma jkunux ta’ ħoss qawwi li fih innifsu jkun inkonvenjent għal ħaddieħor. Aħna m’aħniex ngħidu li aħna kontra l-logħob tan-nar. Anzi kif għedna huwa parti integra mill-kultura tal-festi.
Dan qed ngħiduh għaliex meta naslu f’dan iż-żmien dejjem ikun hemm kummenti partikolarment fuq il-midja soċjali li jkomplu jkabbru l-kontroversji u anke xi kultant mistoqsijiet frivoli li ma jagħmlux sens.
Huwa tajjeb li nkattru l-kultura tagħna, għaliex din hija unika u ma ssibha mkien aktar f’pajjiżi oħra, però dan m’għandniex nagħmluh a skapitu tal-mistrieħ tan-nies. Għalhekk irridu nifhmu li filwaqt li kollox għandu l-valur tiegħu, jeħtieġ li din il-kwistjoni tkun indirizzata għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd.