Fl-aħħar ġimgħat, diversi inċidenti serji fit-toroq Maltin qajmu allarm fost il-pubbliku u l-awtoritajiet, ħafna minnhom suspettati li kienu relatati mal-konsum eċċessiv tal-alkoħol. Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt wera t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli ta’ alkoħol fid-demm li nstab f’xi sewwieqa involuti, xi drabi ferm ogħla mil-limitu legali. “Kull inċident ifisser familja mkissra, ħajja mibdula u traġedja li forsi setgħet tiġi evitata,” qal Gatt. Huwa enfasizza li dawn il-każijiet ma jistgħux jitqiesu bħala “ħtija personali” biss, iżda bħala sintomu ta’ problema soċjali usa’. Għalhekk, insista li l-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol, flimkien ma’ infurzar aktar strett u edukazzjoni kontinwa, huma essenzjali biex jitnaqqsu dawn il-ġrajjiet u jiġu protetti kemm is-sewwieqa kif ukoll il-pubbliku ġenerali.
Caritas Malta fi stqarrija li ħarġet din il-ġimgħa, laqgħet l-abbozz tal-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol u appellat biex din il-politika tiġi implimentata fl-intier tagħha biex iżżomm il-miri kif elenkati f’dan id-dokument. Dan filwaqt li ressqet ukoll diversi proposti u enfasizzat fatturi importanti biex tissaħħaħ il-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol.
Il-proposti ta’ Caritas Malta dwar din il-politika juru approċċ bilanċjat: fuq naħa hemm miżuri prattiċi bħaż-żieda fil-prezz u l-bidla fl-età legali tax-xorb, u min-naħa l-oħra hemm edukazzjoni, infurzar u kollaborazzjoni. Il-messaġġ ewlieni hu ċar, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ għandha tkun prijorità.
Caritas temmen li, b’politika soda, infurzar effettiv u kuxjenza kollettiva, Malta tista’ tnaqqas il-ħsara kkawżata mill-abbuż tal-alkoħol u toffri futur aktar b’saħħtu u sigur għal kulħadd.
F’kummenti ma’ L-Orizzont, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt saħaq li wieħed mill-aspetti l-aktar allarmanti hu meta l-alkoħol jintuża flimkien ma’ sustanzi oħra bħall-kokaina. “F’sitwazzjonijiet bħal dawn, xi persuni jużaw il-kokaina biex iqajmu lilhom infushom fil-veru sens tal-kelma u dejjem skonthom, wara li jkunu xorbu ħafna, ħaġa li tikkawża kumplikazzjonijiet serji għall-moħħ u l-ġisem. Għalkemm matul is-snin ġie nnutat xi tnaqqis f’ċertu tipi ta’ użu problematiku, il-problema tibqa’ preżenti u għandha tiġi indirizzata b’miżuri konkreti.
“Caritas tinnota wkoll bidla fil-mudelli ta’ konsum tal-alkoħol, b’nisa, speċjalment tfajliet żgħażagħ, jilħqu jew saħansitra jaqbżu l-irġiel fil-kwantità ta’ xorb. Dan jitfa’ dawl fuq fatturi kulturali u soċjali ġodda, iżda jġib miegħu wkoll riskji speċifiċi. Konsum għoli ta’ alkoħol min-nisa jista’ jkollu impatt dirett fuq is-saħħa riproduttiva, u b’mod partikolari fuq it-tqala. Għaldaqstant, Caritas qed tħeġġeġ għall-kampanji pubbliċi li jinkoraġġixxu l-astensjoni mill-alkoħol waqt il-perjodu meta mara qed tipprova jkollha tarbija, waqt it-tqala, u matul iż-żmien tat-treddigħ.”
Proposta ewlenija oħra ta’ Caritas hi li jiżdied il-prezz minimu tal-alkoħol għal €0.75 kull unit. “L-argument ta’ wara din il-miżura hu li, billi jiġi stabbilit prezz minimu, jonqsu dawk li jixorbu bl-intenzjoni ta’ “binge drinking”, jiġifieri xorb intensiv f’perjodu qasir. Importanti li din iż-żieda ma tkunx taxxa li tmur għand il-gvern, iżda li l-qligħ jibqa’ fl-industrija, sabiex ikun hemm inqas reżistenza mill-produtturi. Esperjenzi minn pajjiżi bħall-Iskozja wrew li tali miżura tista’ tnaqqas b’mod effettiv il-konsum eċċessiv.”
Proposta oħra li ressqet Caritas Malta hi li l-età legali għax-xorb tal-alkoħol titla’ għal 21 sena. Skont Gatt, il-moħħ tal-bniedem ikompli jiżviluppa sal-età ta’ madwar 25 sena, u kull sustanza li tittieħed f’dawn is-snin jista’ jkollha impatt negattiv fit-tul fuq il-funzjonament konjittiv u emozzjonali. Dan jagħmilha essenzjali li jiġu mħarsa ż-żgħażagħ kemm jista’ jkun minn riskji bla bżonn.
Sadanittant, Caritas tibqa’ temmen li l-ideali hu li jkun hemm tolleranza zero għall-alkoħol qabel is-sewqan. Madankollu, jekk dan ma jkunx politikalment fattibbli, il-proposta hi li jitnaqqas il-limitu tal-konċentrazzjoni tal-alkoħol fid-demm għal 20milligramma kull 100millilitru. Din il-bidla tkun akkumpanjata minn infurzar aktar strett: testijiet obbligatorji għall-intossikazzjoni għal kull inċident li jinvolvi ġrieħi, kif ukoll testijiet li bl-Ingliż insejħulhom random tal-breathalyser anke jekk ma jkunx hemm suspett immedjat.
Skont Gatt, “liġi bla infurzar mhi liġi xejn”. Dan ifisser li, minkejja l-aħjar intenzjonijiet, politika se tibqa’ ineffettiva jekk ma tkunx akkumpanjata minn kontrolli reali. Waħda mill-miżuri prattiċi msemmija hi li l-bejjiegħa jkollhom id-dmir li jivverifikaw l-età tal-klijenti billi jitolbu l-ID card qabel ibigħu l-alkoħol.
Il-prevenzjoni, skont Caritas, trid tibda kmieni. Għalhekk qed tipproponi li tissaħħaħ l-edukazzjoni dwar ir-riskji tal-alkoħol fl-iskejjel, b’attivitajiet u programmi li joffru alternattivi pożittivi għall-użu tal-alkoħol, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa. Barra minn hekk, Caritas qed tappella għal proġett kollaborattiv bejn diversi entitajiet, inklużi Oasi, Sedqa, Aġenzija Żgħażagħ u l-Pulizija Komunitarja biex jissaħħu l-kampanji ta’ kuxjenza u jiżdied l-infurzar.