Friday, November 15, 2024

“Il-ħsara u tbatija lil min jeħtieġ kura mhux se tkun ittollerata”

Il-Gvern se jieħu l-passi biex tiġi mwaqqfa t-tilwima industrijali u l-azzjonijiet tal-MUMN

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkun qiegħed jieħu l-passi kollha biex jiggarantixxi li tiġi mwaqqfa t-tilwima industrijali u l-azzjonijiet marbuta biex il-pazjenti jingħataw kull kura li tistħoqqilhom. Fi stqarrija maħruġa minnu l-gvern rrefera għal azzjonijiet industrijali li mhumiex ġustifikati akkumpanjati minn stqarrijiet li m’għandhomx mis-sewwa u li ma jirriflettux dak offrut madwar il-mejda tan-negozjati min-naħa tiegħu

“Il-ħsara u tbatija lil min jeħtieġ kura mhux se tkun ittollerata u azzjoni industrijali li ma taqax fil-parametri tal-liġi għandha l-konsegwenzi tagħha. L-azzjonijiet tal-MUMN qegħdin saħansitra jheddu dak li nkiseb mal-mejda tan-negozjati sa issa”, kompla biex jgħid il-gvern.

Il-Gvern determinat li jieħu l-passi kollha biex jiggarantixxi dan, partikolarment fid-dawl tal-fatt illi qed joffri lill-infermiera, proposti b’saħħithom u għalhekk ma teżisti ebda bażi leġittima għat-tkomplija tal-azzjonijiet. 

B’referenza għall-konsultazzjoni li saret fl-aħħar xhur u l-bżonn tal-laqgħa ta’ konċiljazzjoni, il-gvern qal li wara disa’ xhur ta’ taħditiet mal-MUMN li fihom saru 13-il laqgħa u li matulhom tressqu diversi kontro-proposti konkreti biex itejjeb b’mod b’saħħtu u bla preċedent il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tal-infermiera. Skontu issa għandu jidħol fis-seħħ dan l-istadju skont kif maqbul bejn il-partijiet fil-ftehim applikabbli. 

Il-Gvern qiegħed jara li r-responsabbiltà titlob li l-MUMN għandha tattendi għal dan il-proċess li jsir skont mekkaniżmu maqbul bejn il-unjins kollha u li jirriżulta mill-ftehim kollettiv tas-Servizz Pubbliku. Dan il-proċess għandu jwassal biex jiġi ffirmat il-Ftehim Settorjali l-ġdid li se jagħti lill-infermiera l-aħjar kundizzjonijiet li qatt kellhom.  

Intqal ukoll li dan il-proċess għandu jitmexxa f’ambjent seren u wieħed li ma jkunx ta’ ħsara la fuq il-pazjent u lanqas fil-konfront ta’ ħaddiema oħra fis-servizz tas-saħħa. 

L-istqarrija nnutat li għall-kuntrarju tal-impressjoni kompletament żbaljata li ppruvat tagħti l-MUMN fl-aħħar ġimgħat, il-gvern baqa’ jsaħħaħ il-proposti inizjali b’mod responsabbli u sostenibbli

“Bi proposti b’saħħithom li l-MUMN baqgħet tirrifjuta li tikkunsidra kapriċjożament, din qed tipperikola l-interessi tal-membri tagħha stess u għalhekk il-pass li jmiss għandu jkun dak ta’ konċiljazzjoni”, temmet l-istqarrija.

Ekonomija

Sport