Bla dubju, il-Gvern Laburista ta’ bħalissa mhux biss se jibqa’ mfakkar fl-istorja bħala gvern li żied bla preċedent il-benefiċċji soċjali waqt li ntroduċa oħrajn ġodda, imma wkoll għar-riformi kbar li qed iwettaq u li jolqtu s-setturi differenti kollha tas-soċjetà u allura l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
It-tajjeb f’dan kollu huwa l-fatt illi d-deċiżjonijiet li wasslu għar-riformi fil-biċċa l-kbira tagħhom, jekk mhux kollha, huma msejsin fuq ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tal-poplu.
U hemm iktar minn prova waħda ta’ dan. Kollox qed isir fl-isfond illi r-riformi mhux biss ikunu intenzjonati għal titjib fil-kwalità ta’ ħajja li qed ngħixu imma aktar minn hekk, biex iservu għat-tul ta’ żmien. Il-Viżjoni Malta 2050 hija waħda minn dawn il-provi.
Illum qed ngħixu f’dinja teknoloġika li ma’ kull jum li jgħaddi, dejjem nassistu għal xi ħaġa ġdida, kemm ta vantaġġ soċjali u anke t’impatt negattiv. Konxju ta’ dan il-fatt eżistenzjali, il-Gvern kien nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-midja soċjali partikolarment minn tfal taħt l-età.
Din ir-riforma, kif qed nifhmuha aħna, se tkun mekkaniżmu li l-għan tagħha huwa li tissalvagwardja u tipproteġi lit-tfal minn abbużi ta’ kull xorta li ntortament jistgħu jsibu ruħhom esposti għalihom.
Riformi simili diġà maħsuba li jsiru wkoll f’pajjiżi oħra Ewropew primarjament fl-Ingilterra, Spanja u Franza. L-Awstralja diġà għaddiet għall-prattika ta’ riforma bħal din.
Pajjiżna wkoll daħal għal riforma ta din ix-xorta mhux għax dan diġa qed issir f’pajjiżi oħra imma għax ħass il-bżonn urġenti tagħha kaġun tal-avvanzi tat-teknoloġija u ried li kull deċiżjoni jew miżura tkun imsejsa fuq dak li jixtiequ l-Maltin fil-qasam tal-midja soċjali.
U issa, li f’dawn il-jiem ingħalaq il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kumitat Tekniku li nħatar apposta, irid jagħrbel xejn inqas minn 200 sottomissjoni li tressqu waqt il-konsultazzjoni sabiex imbagħad joħroġ b’rakkomandazzjonijiet li jidhirlu xierqa u adattati għal pajjiżna. Ir-rakkomandazzjonijiet imbagħad jittellgħu għall-kunsiderazzjoni tal-Kabinett biex imbagħad tkun tista’ ssir il-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward.
Din ir-riforma, bħar-riformi li ddaħħlu diġà f’setturi varji oħra, tqawwilna qalbna għaliex almenu se jkun hemm mekkaniżmu li jipproteġi lil minorenni minn attakki ċibernetiċi fosthom sfruttament sesswali u riskji ta’ bullying li jistgħu jaffaċċjaw u li diġà fl-imgħoddi taw prova tad-dannu fiżika u mentali li dawn jistgħu jikkaġunaw fuq iż-żgħażagħ u s-soċjetà b’mod inġenerali.
Dan ukoll fil-kuntest li l-internet m’għandux ikun ikkundannat u pprojbit għalkollox imma biss f’dawk l-aspetti negattivi tiegħu.



