Fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew smajna ħafna dwar il-ħtieġa li ssir riforma fl-inkjesti maġisterjali. Riforma li għandna għax nifhmu li mhi se tkun qiegħda xxekkel l-ebda jedd t’aċċess għal min, b’mod ġenwin, ikun irid jagħmel użu minn din l-għodda iżda se tipprovdi aktar protezzjoni lil dawk li jsiru allegazzjonijiet dwarhom.
Dan fl-isfond li qed ikun hemm wisq persuni innoċenti, li anke ma jkollhom x’jaqsmu xejn mal-politika, li jispiċċaw jirrinfaċċjaw proċeduri ġudizzjarji, minkejja li jkun ċar li dawn l-individwi ma jkunx ħaqqhom jaffaċċjaw dawn il-proċeduri.
Minkejja dan l-iżvilupp, il-Partit Nazzjonalista diġà ddikjara li jekk u meta jkun fil-Gvern ireġġa’ lura din ir-riforma. Minn dak li ħareġ s’issa jidher li din ir-riforma se tkun waħda ħolistika u se tintroduċi diversi miżuri ntiżi li jsaħħu din l-għodda tal-inkjesta maġisterjali. Il-fatt li se tkun introdotta l-figura ta’ Mħallef u se jingħataw drittijiet ġodda lill-vittmi, huma min huma, liema drittijiet ma kinux jeżistu qabel, minnu nnifsu dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
Nifhmu li b’din ir-riforma, il-vittmi se jkollhom il-jedd li jkunu jafu f’liema parti tkun waslet l-inkjesta maġisterjali u x’qed jiġi allegat dwarhom. B’dan il-mod, ikunu infurmati aħjar dwar il-proċess li jkun għaddej u mhux ikunu jafu biss meta din l-inkjesta tkun intemmet.
Għandna għax nifhmu wkoll li fi żmien mhux daqstant ’il bogħod, bħalma ġara drabi oħra f’riformi meħtieġa li tressqu ’l quddiem, din ir-riforma se titpoġġa wkoll għall-konsultazzjoni pubblika. B’dan il-mod, il-Gvern qed jissostanzja dak li jgħid illi l-vuċi tan-nies tkun mismugħa u d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkun skont ix-xewqat tagħhom.
Din ir-riforma mhix qed issir sempliċiment fuq il-karti. Imma hija intenzjonata li ssaħħaħ il-ġustizzja fil-pajjiż filwaqt li telimina kull lok t’abbuż fis-sistema li ilha tintuża s-snin. B’hekk din ir-riforma se tassigura li l-ġustizzja tintuża biss għall-għanijiet veri tagħha.
Kif qal il-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu kulħadd irid jifhem illi jekk mhux se jkun hemm din ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali jista’ jiġi żmien illi ċ-ċittadin stess ikun suġġett tagħha.