F’pajjiżna hawn aktar minn 200,000 ħaddiema Għawdxin u Maltin fis-suq tax-xogħol. Din iċ-ċifra hija 31,000 ħaddiem iktar milli kellna fl-2012, xhieda ta’ kemm in-narrattiva wżata spiss li ż-żgħażagħ iridu u qed jitilqu minn pajjiżna hija mhux biss falza imma wkoll qarrieqa.
L-istatistika turi li kull sena qed jirritornaw lura f’pajjiżna dawk li kienu siefru qabel. Tant hu hekk li fis-sena 2023 waħedha, ġew lura Malta 500 Għawdxi u Malti aktar milli kienu telqu.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, bla dubju, titfaċċa l-mistoqsija illi ladarba l-Maltin u l-Għawdxin fis-suq tax-xogħol żdiedu, għalfejn għad hawn bżonn ta’ iktar barranin biex jaħdmu f’Malta?
It-tweġiba għal din il-mistoqsija nistgħu neħduha jekk inħarsu lejn id-djar tal-anzjani, sptarijiet u setturi oħra tal-ekonomija, fejn il-ħaddiema barranin qed jaqdu ħtiġijiet importanti f’oqsma bħal dawn, kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna imma wkoll għal benesseri taċ-ċittadin tagħna.
Ma’ dawn, irridu nżommu quddiem għajnejna wkoll li l-popolazzjoni Maltija qiegħda kull ma jmur tixjieħ u tgħix aktar, għalhekk il-bżonnijiet ta’ ħafna nies, partikolarment tal-anzjani se jibqgħu magħna u mhumiex se jgħibu kif ġieb u laħaq.
Apparti min hekk, l-istatistika uffiċjali qed turina wkoll li ta’ kull sena, qed joħorġu mill-iskola madwar 1,000 żagħżugħ u żagħżugħa inqas mill-ammont ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin li jirtiraw mix-xogħol bl-età pensjonabbli.
Dan huwa wkoll riflessjoni illi kważi wieħed minn kull tliet ħaddiema Maltin u Għawdxin għandu iktar minn 50 sena. Fattur ieħor inkwetanti li jista’ jħalli impatt negattiv fuq pajjiżna huwa n-nuqqas ta’ twelidijiet li issa ilu għal bosta snin. Tant hu hekk li Malta għadha tikklassifika ma’ tal-aħħar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’dik li hija rata ta’ fertilità.
Dawn ir-realtajiet kollha flimkien jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin għal ċertu xogħlijiet, anki għal dawk ix-xogħlijiet li l-ħaddiema Maltin ma tantx huma entużjasti li jidħlu għalihom.
Dawn il-ħaddiema barranin minbarra li hawn bżonnhom, qed jiġu f’pajjiżna għax hawn l-opportuniajiet tax-xogħol li s-suq qed jiddomanda. Fin-nuqqas ta’ dan, nistgħu nkunu qed nissagrifikaw it-tkabbir ekonomiku biex sempliċiment ma nħallux il-popolazzjoni tikber.
B’danakollu ħadd ma jista’ jiċħad li ż-żieda fil-popolazzjoni hija sfida kumplessa u mhux faċli li jinstab il-bilanċ ġust għaliha. Iżda, permezz tal-Labour Migration Policy, il-Gvern jidher li se jibda jieħu passi biex ikun regolat id-dħul ta’ ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi u minn pajjiżi mhux membri tal-UE.