L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jippubblika minn żmien għal żmien ċifri dwar l-andament tas-suq tax-xogħol. Għal dawn l-aħħar snin il-figuri wrew li l-qgħad f’pajjiżna baqa’ jinżel konsistentement, sinjal ta’ ekonomija reżiljenti li qed tikber kull sena.
Tant huwa hekk li qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma rajna riżultati pożittivi daqs dawn fis-suq tax-xogħol. Dawn ir-riżultati jixhdu li f’pajjiżna hawn dak li nsejħulu ‘full employment’, li m’għandniex qgħad u li x-xogħol qed jiġri wara l-ħaddiema u mhux bil-kontra.
Il-fattur ta’ ekonomija li qiegħda dejjem tikber u tespandi, minkejja li huwa pożittiv, qed ikollu konsegwenzi li mhux jinstabu biżżejjed ħaddiema Maltin biex jimlew l-impjiegi li qed jinħolqu. Lanqas mhuma jinstabu ħaddiema kwalifikati għall-impjiegi ġodda li ħafna minnhom huma ta’ bażi teknoloġika. Iktar u iktar meta illum qed naraw negozji li jridu jiddiġitalizzaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom.
Għalhekk f’dan il-kuntest, pajjiżna qed ikollu jinġaġġa ħaddiema barranin, ħaddiema minn stati membri tal-Unjoni Ewropea u anki minn pajjiżi terzi. U dan, pajjiżna llum ma jistax ma jagħmlux għaliex ikun inutli li nippruvaw inressqu lejn pajjiżna investment barrani dirett jekk imbagħad ma jkollniex ħaddiema biżżejjed lesti għalih.
Dan ngħiduh ukoll f’kuntest li allaħares ma kienx hawn ħaddiema barranin jaħdmu f’pajjiżna fid-diversi setturi ekonomiċi għaliex kieku dawn l-oqsma tant importanti għall-ekonomija ma kinux jiksbu r-ritmu ta’ suċċess li kisbu.
Anki jekk inħarsu lejn is-settur tas-saħħa ukoll naraw li hemm il-ħtieġa dejjem tiżdied ta’ ħaddiema barranin, partikularment infermiera fl-isptarijiet u carers fid-djar tal-anzjani u dan il-bżonn jinħass iktar fil-beraħ meta f’pajjiżna, aktar ma s-settur mediku ikompli javvanza aktar tinħass din il-ħtieġa.
Iżda mhux kulħadd, għal raġunijiet tiegħu, politiċi u mhumiex, qed japprezza li hawn problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’diversi setturi ekonomiċi mhux l-inqas fis-settur tal-ospitalità. Għad hawn min għadu ossessjonat u jemmen b’mod inġust illi l-Gvern Laburista qed jibni u jibbaża l-ekonomija fuq il-ħaddiema barranin mingħajr ebda pjan.
Għadna ma nistgħux nifhmu dan x’argument hu. Għax hija loġika li iktar ma tikber l-ekonomija iktar se jkun hemm bżonn ħaddiema biex jimlew il-postijiet tax-xogħol eżistenti kif ukoll dawk ġodda li qed jinħolqu.
Għalhekk, fil-fehma tagħna, min jibqa’ jsostni li ekonomija nazzjonali hi mibnija biss fuq iż-żieda fil-popolazzjoni mhux biss hu żbaljat għall-aħħar u m’għandux idea ta’ kif taħdem ekonomija ta’ pajjiż imma wkoll li l-kritika tiegħu mhix ibbażata fuq il-loġika.
Huwa kollu minnu li bil-ħaddiema barranin il-popolazzjoni Maltija kibret sew u forsi hawn min jilmenta li dan il-fatt qed ipoġġi taħt pressjoni bla bżonn l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Dan l-argument jista’ jkun raġunat iżda hawn tidħol l-għażla bejn jekk irridux li jibqa’ jkollna ekonomija reżiljenti u b’hekk ikompli jitjieb il-benesseri tal-familji Maltin jew ikollna staġnar ekonomiku li jħalli impatt negattiv fuq il-poplu kollu.
Jidher li l-Gvern se jkompli jsostni dan il-mudell ekonomiku li qeda tajjeb lill-pajjiżna fis-snin li għaddew kif jidher ukoll li se jkompli jkun fil-ġejjieni qarib.

