Saturday, November 23, 2024

Il-ħtiġijiet taċ-ċittadini għandhom ikunu fuq quddiem fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – Alfred Sant

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant ivvota favur riżoluzzjoni fuq il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u appella lill-Parlament Ewropew biex ipoġġi l-bżonnijiet attwali taċ-ċittadini fuq quddiem net tal-konferenza.

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ser tkun organizzata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea u kienet mistennija tibda f’Mejju 2020 u ddum għal sentejn. Waqt li rrikonoxxew li l-Konferenza ġiet ittardjata minħabba l-pandemija COVID-19, l-Ewroparlamentari appellaw liż-żewġ istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jidħlu f’negozjati biex isibu ftehim komuni dwar il-Konferenza.

Filwaqt li laqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li timxi’ l quddiem b’mod rapidu, il-Parlament esprima wkoll tħassib dwar il-fatt li l-Kunsill għadu ma adottax pożizzjoni.

Alfred Sant qal fil-plenarja tal-Parlament Ewropew li, għalkemm dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa jista’ jkun utli, huwa kellu dubji serji dwar l-attitudni adottata minn xi entitajiet ibbażati fi Brussell.

“Minflok ma jisimgħu dak li ċ-ċittadini Ewropej mill-partijiet differenti tal-kontinent jixtiequ għall-futur tagħhom, jidher li xi atturi politiċi jixtiequ jimponu l-aġendi tagħhom fuq din il-konferenza. Madankollu, jekk l-Ewropa trid tirnexxi, huwa essenzjali li tkun adottata attitudni minn isfel għal fuq għal dan id-dibattitu. ” qal Alfred Sant.

Id-dibattitu għandu jiffoka fuq kisbiet realistiċi u li jistgħu jitwettqu aktar milli fuq diskussjonijiet bla tmiem li ma jwasslu għall-ebda konklużjoni. Ħafna għandhom jindunaw li minkejja l-poter dejjem jiżdied tal-Unjoni, iċ-ċittadini jibqgħu jħossuhom eqreb lejn il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li r-rappreżentanti nazzjonali jingħataw rwol ewlieni f’dan id-dibattitu sabiex nisimgħu u nifhmu dak li hu meħtieġ għal futur aħjar.

Ir-riżoluzzjoni, adottata b’528 vot favur, 124 kontra u 45 astensjoni, iddikjarat li għaxar snin wara t-Trattat ta’ Lisbona u sebgħin sena wara d-Dikjarazzjoni ta’ Schuman kif ukoll fil-kuntest tal-pandemija COVID-19, wasal iż-żmien biex issir valutazzjoni mill-ġdid tal-Unjoni Ewropea.

Sport