Bosta ħwienet u negozji qed jittamaw li l-jum tal-Black Friday jagħtihom l-ispinta li tant għandhom bżonn biex jiffaċċjaw sena li għal ħafna kienet orribbli minħabba l-pandemija.
Mindu din id-drawwa daħlet f’pajjiżna ftit tas-snin ilu kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi kienu jkunu qed jistennew bil-ħerqa dan il-jum b’tal-ewwel biex iżidu l-bejgħ u l-klijenti biex jiffrankaw fuq dak li jridu.
Din is-sena l-istennija fin-negozji hija akbar hekk kif il-Covid19, li feġġ f’pajjiżna f’Marzu, ħoloq problema wara l-oħra fil-bejgħ u l-qligħ ta’ ħafna minnhom b’uħud saru jiddependu kważi għal kollox fuq l-għajnuna tal-Gvern biex iżommu l-impjegati li kellhom.
Konxji mill-ħtieġa tad-distanza soċjali bosta kienu dawk in-negozji u ħwienet li għażlu li jibdew bl-offerti minn diversi jiem qabel ħalli ma jkunx hemm il-kjuwijiet ta’ nies li soltu jinġabru sa minn kmieni biex jilħqu dak li jridu.
Bosta minnhom għażlu wkoll li għal din ir-raġuni jiffukaw fuq il-bejgħ minn fuq l-internet, inkluż permezz ta’ promozzjonijiet fuq il-mezzi soċjali, ħalli jilħqu lill-klijenti mingħajr ma dawn ikollhom il-ħtieġa li jmorru fiżikament fil-ħwienet.
Il-Malta Chamber of SMEs, li tiġbor fi ħdanha l-komunità tan-negozji, ippubblikat anke lista tal-ħwienet li qed joffru skontijiet għall-Black Friday u liema minnhom qed ibiegħu online u jwasslu l-prodotti d-dar.
Dan wara li hija ltaqgħet mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci biex tiddiskuti l-aħjar mod kif in-negozji jistgħu jiftħu u joperaw fiċ-ċirkostanzi attwali.