Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
Kollox beda f’Jannar tal-2024, meta l-kowċ tiegħi, Saviour Vella sar jaf bil-kompetizzjoni u jien u tliet oħra tat-tim tagħna mill-gym bdejna nitħarrġu għaliha. Għalija nnifsi, għoġobni ħafna l-istil fit-taħriġ peressli nħobb nerfa’ piżijiet u wkoll inħobb niġri. Il-Hyrox huwa t-tnejn, għalhekk dan irriżulta bħala sport interessanti ħafna għalija.
X’unuri maġġuri ksibt s’issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Fl-ewwel sena tiegħi ta’ hyrox ikkompetejt fi tliet kompetizzjonijiet internazzjonali u kompetizzjonijiet oħra.
Kompetizzjonijiet internazzjonali:
Hyrox Open Man Poznan – 1:03:21 qiegħed fis-36 Overall u fit-13-il post fil-grupp ta’ età tiegħi, u Hyrox Pro Man Katowice – 1:07:37 qiegħed fit-22 Overall u fid-9 post fil-grupp ta’ età tiegħi.
Kompetizzjonijiet Nazzjonali: Hyrox Open Man Malta Campus Hub – 1:02:08 fil-ewwel post, u Hyrox Doubles Men Malta Campus Hub – 55:05 fil-5 post.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Mill-ewwel sena ta’ taħriġ tiegħi u mill-kompetizzjonijiet nazzjonali li dħalt u riżultati internazzjonali, nista’ nara li l-livell tal-parteċipanti Maltin dejjem qed jitjieb. Kif tistgħu taraw mill-aqwa kompetituri Maltin, ħafna minnhom kisbu posthom f’Chicago għall-kampjonati tad-dinja.
U xi ngħidu għar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Fir-rigward tar-riżorsi offruti mill-gym tiegħi f’’The Fitnetics’, għandna r-riżorsi kollha meħtieġa biex inkunu nistgħu nagħtu prestazzjoni fuq livell għoli kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Fir-rigward tal-kompetizzjonijiet uffiċjali, it-tagħmir kollu użat huwa ta ‘kwalità għolja u wkoll organizzat tajjeb bil-mediċi f’posthom, stazzjonijiet ta’ idratazzjoni eċċ.
Kif qed tara l-futur tiegħek fil-Hyrox?
L-għan tiegħi fil-Hyrox huwa li nsir l-aqwa. Nieħu dan l-isport bis-serjetà ħafna, nitħarreġ darbtejn kuljum waqt li naħdem 2 impjiegi.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Il-Hyrox huwa għal kulħadd … hija tellieqa li toffri sfida kbira. Tista’ ssib bosta komunitajiet u gyms f’Malta li joffru ‘classes’ u taħriġ. Biex tagħmel suċċess, bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja, trid tiddedika l-ħin u l-isforz tiegħek.