Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
L-imħabba tiegħi lejn il-Hyrox bdiet b’mod mhux mistenni meta, wara li sofrejt minn injury li kien jerġa’ jiġri fil-muskolu tal-hamstring waqt il-karriera tiegħi fl-atletika, is-sena l-oħra, indunajt li kelli bżonn inżid is-saħħa u ninkludi wkoll taħriġ ta’ tip differenti. Dakinhar tlabt l-għajnuna lill-ħabib tiegħi Wayne Spiteri, li kont naf mit-triathlon u li kont inħarreġ miegħu fis-snin ta’ qabel bħala atleta tat-tim nazzjonali fit-triathlon. Huwa ssuggerixxa li nuża l-Hyrox bħala sport multisettorjali biex insaħħaħ il-ġirja tiegħi – u spiċċajt innamrat mill-isport.
X’unuri maġġuri ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Jien pjuttost atleta ġdid fil-Hyrox, iżda fi żmien disa’ xhur f’dan l-isport irnexxieli nikseb l-aktar ħin veloċi nazzjonali f’tellieqa uffiċjali tal-Hyrox fil-kategorija Open, u ksibt il-ħames post ġenerali minn aktar minn 1,500 parteċipant.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna dejjem qiegħed jitjieb u ħafna nies qed jinvestu f’dan l-isport. Hemm domanda għolja ħafna, u dan huwa wieħed mill-aktar sports li qed jikbru malajr – mhux biss f’pajjiżna, imma madwar id-dinja kollha.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Kull xahar qed jinfetħu gyms ġodda li qed jiġbdu aktar nies lejn l-isport u joħolqu komunità b’saħħitha ħafna f’dan il-qasam. Nixtieq inħeġġeġ lill-gvern u lil dawk kollha involuti fl-Isport Malta biex jagħmlu l-almu tagħhom sabiex iġibu tellieqa uffiċjali tal-Hyrox hawn Malta. Din tkun opportunità mill-aqwa biex nattiraw aktar barranin lejn pajjiżna, kif ukoll biex intejbu l-komunità tagħna billi jkollna tellieqa daqshekk prestiġjuża f’artna stess.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?
Ilni involut fl-isport għal dawn l-aħħar għaxar snin, bdejt bit-triathlon u komplejt bl-atletika. Nemmen li dan tani bażi perfetta biex nasal sal-ogħla livell, u jien fortunat biżżejjed li mdawwar b’appoġġ tajjeb ħafna li se jgħinni nilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Il-Hyrox huwa sport aċċessibbli għal kull livell u għal kull tip ta’ persuna. Dan huwa sport multisettorjali li ma jinvolvix biss endurance, imma wkoll is-saħħa – li għalija hija d-definizzjoni vera ta’ kif wieħed ikun b’saħħtu. Matul il-karriera sportiva tiegħi, qatt ma ħassejtni daqshekk b’saħħti, u nemmen li b’bilanċ tajjeb, kull persuna jista’jilħaq il-miri personali tiegħu.