Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
Jien dejjem ikkunsidrajt lili nnifsi bħala persuna b’saħħitha u f’forma tajba. Ilni aktar minn 12-il sena nattendi l-gym u anke ħadt sehem f’kompetizzjoni lokali tal-bodybuilding ta IFBB, fejn irnexxieli nikseb l-ewwel u t-tielet post fil-kategoriji tiegħi. Madankollu, meta rajt kemm qed jikber l-interess fil-Hyrox, iddeċidejt li mmur għal sessjoni f’’The Club’ ta’ Julian Briffa, u minnufih sibt ruħi affaxxinat b’dan l-isport. Huwa sport kompletament differenti mill-bodybuilding u jirrikjedi ħafna aktar reżistenza, speċjalment fil-giri. Jien dejjem nipprova nimbotta lili nnifsi sal-limiti tiegħi, u Hyrox hu l-post ideali biex nagħmel dan. Xi ħaġ’oħra li ġiegħlitni nittrenja għall-Hyrox hi kemm hu aċċessibli għal kulħadd dan l-sport.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
S’issa għadni ma ksibtx suċċessi kbar fil-Hyrox, iżda minkejja li ilni nipprepara għal Hyrox biss sena, nara titjib kbir u dan qed jirrifletti ruħu fil-prestazzjonijiet tiegħi kemm f’tlielaq lokali kif ukoll barra minn Malta. Barra minn hekk, diġà ħadt sehem barra minn Malta f’kull kategorija – Solo, Solo Pro, Doubles Pro u Mixed Doubles – u dejjem irnexxieli nikseb ħinijiet tajbin hafna f’kull parteċipazzjoni.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Julian Briffa?
Julian għalija mhuwiex biss kowċ, imma wkoll persuna ta’ valur kbir. Huwa umli, dejjem faċli biex titkellem miegħu u jaf jadatta ghall kull atleta. Għandu għarfien u esperjenza kbira, iżda fuq kollox għandu qalb kbira – dejjem sintu prezenti meta kelli bżonn parir jew kelma ta’ kuraġġ. Dejjem jimbuttani noħroġ minn ż-żona ta’ kumdità tiegħi u nkun aħjar minn kif kont ilbieraħ. Imma l-isbaħ ħaġa hi li Julian ma ħoloqx biss klabb, iżda komunità li nħossuna bħala familja waħda kbira. Dejjem hemm għal xulxin, nappoġġjaw lil xulxin u nimbuttaw lil xulxin biex naslu. Ma setax ikolli kowċ jew club aħjar minn hekk.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-Hyrox f’Malta hu tassew għoli, u dan jidher mir-riżultati li qed jinkisbu barra minn xtutna mill-atleti Maltin. Ħafna rnexxielhom jikkwalifikaw għall-Kampjonati tas-sena li għaddiet, u nittama li sena oħra nkun wieħed minnhom ukoll.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
5. F’Malta għandna ħafna faċilitajiet mgħammra apposta għat-taħriġ tal-Hyrox, b’ħafna gyms li qed jaqbżu fuq l-okkażjoni biex jattiraw aktar klijenti permezz ta’ tagħmir speċifiku għall-Hyrox. Barra minn hekk, hemm ukoll clubs bħal The Club ta’ Julian Briffa li jispeċjalizzaw fit-taħriġ tal-Hyrox u joffru sessjonijiet speċifiċi diversi drabi fil-ġimgħa. Fir-rigward tat-tlielaq tal-Hyrox li qed isiru hawn Malta, naħseb li huma ta’ livell għoli ħafna u qrib ħafna ta’ dawk uffiċjali li jsiru barra minn Malta. F’sena waħda biss rajt titjib enormi f’kull aspett relatat mal-Hyrox.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?
Jiena nemmen ħafna fija nnifsi u nagħti l-massimu tiegħi fit-taħriġ biex dejjem inkompli nitjieb fil-Hyrox. Għandi l-għan ċar li nilħaq il-podju hawn Malta fil-kategoriji ta’ Doubles Male u Mixed Doubles, imma dak hu biss pass ieħor fil-vjaġġ tiegħi. L-ambizzjoni vera tiegħi hi li nikkwalifika għall-Kampjonati Dinjija li se jsiru fl-Iżvezja s-sena d-dieħla – u qed nagħmel kollox biex nagħmilha realtà.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Nixtieq ngħid lil kull min hu interessat jibda t-taħriġ ta’ Hyrox biex ma jħallix din l-opportunità tgħaddi minn idejh. L-isbaħ ħaġa f’Hyrox hi li huwa sport aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mil-livell ta’ fiżiku jew atletika li tkun fih. Is-sensazzjoni li tħoss wara li tlesti tellieqa ta’ Hyrox hi xi ħaġa li ma tistax tispjega bil-kliem – u nista’ nassigurakom li ladarba tidħlu f’din l-esperjenza, se taqgħu fl-imħabba ma’ dan l-isport.
Barra minn hekk, il-Hyrox jagħtik iċ-ċans tiltaqa’ ma’ atleti mill-aqwa minn madwar id-dinja, timbotta lilek innifsek lil hinn minn fejn qatt bsart tasal, u fuq kollox tibqa’ tagħmel attività li żżommok f’saħħtek u f’forma tajba.