Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
L-imħabba tiegħi lejn il-Hyrox bdiet minn ġibda naturali lejn sfidi fiżiċi u l-kompetizzjoni. Minn dejjem kont inħobb l-isport u l-fitness, iżda meta sirt naf dwar il-Hyrox, kont immedjatament affaxxinat bil-kombinazzjoni ta’ ġiri u ‘workouts’ f’ambjent ta’ kompetizzjoni. Mort nipprova u minn hemm ’il quddiem, kont maqbud bih.
Fil-jiem li għaddew flimkien mal-atleta sieħbek, Marlon Briffa, ħadt sehem b’suċċess fil-Kampjonati Ewropej tal-Hyrox fil-kategorija +40 f’Valencia fi Spanja. Agħtina iktar dettalji.
Iva, bħala Hyrox Doubles, ħadt sehem flimkien mas-sieħeb tiegħi Marlon Briffa. F’Valencia ksibna riżultat mill-aqwa, fejn spiċċajna fit-tielet post fil-kategorija tal-età tagħna, u rajna titjib ta’ kważi żewġ minuti meta mqabbel mal-kompetizzjoni preċedenti.
X’unuri maġġuri ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
L-akbar unur tiegħi kienet ir-rebħa li ksibt f’Toulouse, fi Franza, fejn irbaħna l- ‘age group’, iżda l-aktar ħaġa speċjali kienet li ksibna l-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Dinji f’Chicago l-Amerika f’Ġunju li ġej. Dan huwa ta’ unur kbir għalina bħala tim.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-Hyrox qiegħed jikber f’Malta. Għadna fil-bidu iżda qed naraw iktar interess u parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet u sessjonijiet ta’ taħriġ. Hemm potenzjal kbir u nispera li naraw aktar nies jidħlu għalih.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Aħna nitħarrġu f’diversi gyms u faċilitajiet sportivi f’Malta, li qegħdin jaddattaw ruħhom għall-bżonnijiet tal-Hyrox. Hemm ukoll gruppi dedikati għall-preparazzjoni speċifika ta’ Hyrox u kompetizzjonijiet uffiċjali jsiru kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?
Il-mira ewlenija tiegħi bħalissa hija li nagħtu prestazzjoni tajba fil-Kampjonat Dinji tal-Hyrox f’Chicago, l-Amerika.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Irid ikollok passjoni u dixxiplina għal dan l-isport. Il-Hyrox jista’ jkun ta’ sfida kbira, imma b’ħidma, dedikazzjoni u gwida tajba kollox hu possibbli. Ibda bil-pass tiegħek, ibqa’ konsistenti, u fittex li titgħallem minn kull esperjenza. Is-suċċess ma jiġix mil-lejl għan-nhar, imma jiswa kull sforz li tagħmel! Ringrazzjament speċjali imur lil Electrogas li jien impjegat tagħhom u li ġentilment jisponsorjawli l-ħlasijiet tal-ivvjaġġar kif ukoll jgħinuni bħala ‘special leave’.