Monday, September 29, 2025

‘Il-Hyrox mhux biss sport … imma lezzjoni ta’ ħajja’ – Ramona Cutajar Dalli

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?

L-imħabba tiegħi lejn il-Hyrox bdiet meta l-klabb fejn kont nitħarreġ investa ħafna fi tagħmir tal-Hyrox. Dak il-ħin indunajt kemm din id-dixxiplina hi interessanti u ta’ sfida — eżatt kif inhi l-personalità tiegħi. Jien inħobb inħaddan l-isfidi, u Hyrox hija eżatt dak li kont qed infittex.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek s’issa?

Matul il-karriera tiegħi, irnexxieli nitla’ fuq il-podju bosta drabi f’tlielaq tal-ġiri. Madankollu, wieħed mis-suċċessi li nħossu l-aktar speċjali kien fil-Hyrox, meta ksibna t-tieni post fil-kategorija tal-Relay Team waqt il-Club Attempt Race 3 li saret f’Ta’ Qali. Dak il-jum kien prova kbira tal-ħidma tal-grupp u tal-isforz kollu li għamilna.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Julian Briffa?

Julian Briffa mhux biss kowċ eċċellenti, iżda wkoll motivatur kbir. Huwa jagħtik appoġġ sħiħ, jemmen fik, u l-aktar ħaġa sabiħa hi li jagħmlek tħossok parti minn familja u mhux biss minn klabb. Din il-familjarità tagħmel differenza kbira fil-prestazzjoni u fil-motivazzjoni tagħna.

Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna bħalissa?

Waqt li pparteċipajt f’kompetizzjonijiet barra minn Malta, indunajt li l-livell tal-Hyrox f’pajjiżna tela’ ħafna f’perjodu qasir ta’ żmien. Illum għandna parteċipazzjoni tajba u livell ta’ prestazzjoni li jispikka. Dan juri kemm il-komunità tal-Hyrox hawn qed tikber u tinbena fuq pedamenti sodi.

 U dwar ir-riżorsi u l-faċilitajiet tat-taħriġ?

Din hija waħda mill-aktar affarijiet li napprezza — it-tagħmir u l-faċilitajiet li nużaw huma ta’ livell għoli ħafna u jagħmlulna possibbli li nitħarrġu bħal professjonisti. Dan jinkoraġġina aktar biex intellgħu l-livell tal-prestazzjoni tagħna.

 Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?

Qed nara futur mimli opportunitajiet u sfidi ġodda. L-għan tiegħi hu li nkompli ntejjeb il-prestazzjoni tiegħi u li inkompli nieħu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali,

Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-Hyrox:

Fid-dinja tal-lum mimlija pressjoni u sfidi, l-aqwa rigal li tista’ tagħti lilek innifsek hu dixxiplina li tibni l-karattru. Il-Hyrox mhux biss sport … imma lezzjoni ta’ ħajja. Se jkollok ġranet fejn tħossok għajjien, stressat jew saħansitra tixtieq tieqaf, imma hemmhekk jinbena l-veru rebbieħ. Ibda bil-kuraġġ, żomm konsistenza, u tafda fil-proċess. Kull ġurnata ta’ taħriġ, kull sfida li tegħleb, iġġibek eqreb lejn verżjoni aħjar tiegħek innifsek. U ftakar: il-podju mhux biss post — huwa sensazzjoni ta’ kburija personali li ħadd ma jista’ jneħħilek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport