L-Inter Amateur Soccer Competition (IASC) rebħu t-tielet edizzjoni tat-turnew b’risq Step Up For Parkinson’s organizzat mill-Assoċjazzjonijiet Membri fi ħdan il-Malta Football Association.
It-tmien timijiet parteċipi kienu maqsumin f’żewġ gruppi bl-ewwel tnejn jgħaddu għas-semi-finali. Fi Grupp A selezzjoni mill-GIDA League u t-tim ‘B’ tal-MAFA għelbu l-isfida tal-Masters Football Malta u l-Veterans Malta Football Association, u kwalifikaw għas-semi-finali, filwaqt li minn Grupp B kienu l-IASC u l-iSwan Amateur League li eliminaw lit-tim ‘A’ tal-MAFA u l-Industries Sports Association (ISA) sabiex ikkwalifikaw mal-aħħar erbgħa.
Fis-semi-finali l-IASC kellhom rebħa diffiċli ta’ 4-3 kontra t-tim ‘B’ tal-MAFA f’partita ferm missielta sabiex kisbu post fil-finali għat-tielet sena konsekuttiva, filwaqt li s-selezzjoni mill-iSwan League għelbu lit-tim tal-GIDA bl-iskor ta’ 3-1. Fil-finali kienu l-IASC li għelbu lill-iSWAN League bl-iskor ta’ 5-1 u meritatament rebħu dan it-turnew għat-tieni sena konsekuttiva.
Il-partiti kienu kkontrollati minn referis kwalifikati tal-Malta Football Association ġewwa l-Grawnd taċ-Ċentinarju.
Minbarra l-Assoċjazzjonijiet Membri li pparteċipaw f’dan it-turnew, il-Malta Football Coaches Association (MFCA), il-Malta Employees Sports Association (MESA), il-Malta Football Players Association (MFPA), u l-Malta Football Referees Association (MFRA) taw ukoll id-donazzjonijiet tagħhom.
Is-somma miġbura kienet ta’ €3,150 li minnha ser ikunu qed jibbenefikaw persuni li jgħixu bil-Parkinson’s f’pajjiżna permezz ta’ għadd ta’ servizzi li toffri l-Organizzazjoni Volontarja Step Up For Parkinson’s.

